Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta


L-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta, ser tkun qed tilħaq il-miri u l-proposti illi fuqhom il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali ħadem bi sħiħ sabiex verament titwettaq ir-riforma li minn dejjem kienet meħtiega fis-settur tar-raba’.


L-Aġenzija, ser tkun qed tħares primarjament lejn il-ħarsien tal-art agrikola f’sens illi l-art agrikola tibqa’ tiġi kkultivata u maħduma minn bdiewa ġenwini sabiex tiġi garantita s-sostenibbilta` tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent rurali.


Għaldaqstant, l-Aġenzija ser issaħħah il-kontroll fuq l-akkwist u l-pussess tar-raba’, kif ukoll ser tkun qed tindirizza kwistjonijiet illi jistgħu jwasslu għat-telfien tar-raba’ u ser tkun qed tiġi garantita s-sostenibbilta` tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel kif ukoll l-ħarsien tal-ambjent rurali.


Din l-Aġenzija ser iżżomm reġistru fejn tkun qed tinżamm informazzjoni dwar il-pussess u l-użu tal-art billi wieħed jirreġistra l-artijiet agrikoli kemm dawk li qed jiġu mikrija lill-bdiewa kif ukoll dawk illi qed jinħadmu mis-sid stess kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe bejgħ ta’ art agrikola. B’dan, l-Aġenzija ser tkun qed tassigura illi l-art agrikola ser tibqa’ tinħadem għall-iskop agrikolu tagħha.


Pero` mhux biss, għaliex l-Aġenzija ser tkun ukoll qed tappoġġja u tassisti lill-bdiewa f’inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mal-appoġġ ta’ finanzjament b’mod li jiġu żviluppati, applikati u kkoordinati l-proġetti u l-inizjattivi privati kollha għas-settur agrikolu.


Ir-responsabbilitajiet prinċipali tal-Aġenzija huma:


• Tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tas-settur agrikolu f’Malta;
• Timplimenta regolamenti politiki tal-Gvern dwar ir-riżorsi Agrikoli;
• Tiżgura governanza responsabbli tal-pussess tal-art agrikola privata permezz ta’ sistema effettiva ta’ ġestjoni tal-art agrikola;
• Timplimenta proġetti u tamministra skemi relatati mal-iżvilupp l-ġestjoni tal-art agrikola u r-riżorsi tal-ilma;
• Taġġorna, tikkoordina u timplimenta l-Pjan għall-Ġestjoni tal-Iskart Agrikolu prevalenti ta’ dak iż-żmien u sabiex tirreġistra u timmaniġġja b’mod sostenibbli l-bijoriżorsi agrikoli b’mod li jappoġġa s-settur agrikolu f’Malta.


Sabiex twettaq dawn l-għanijiet, l-Aġenzija ser tkun qed toħloq reġistru sabiex tinżamm informazzjoni dwar il-pussess u l-użu tal-art agrikola privata. Ir-reġistrazzjoni tal-art agrikola għandha issir mis-sid stess fejn apparti illi hu jkun qed jiddikkjara illi l-art hija tiegħu, hu ser ikun qed jagħti informazzjoni jekk tali art hijiex qed tiġi mikrija lil xi bidwi, jekk hijiex qed tinħadem minnu stess jew jekk l-art mhux qed tinħadem.


Iżda, apparti minn dan ir-reġistru fejn ser ikunu qed jiġu reġistrati l-artijiet agrikoli, ser ikun qed jinżamm reġistru ieħor fejn ser tinżamm informazzjoni rigwardanti l-bejgħ u t-trasferimenti kollha tal-artijiet agrikoli. L-iskop ewlieni ta’ dan ir-reġistru huwa illi l-Aġenzija ser tkun qed tassigura li l-art agrikola ser tibqa’ tinħadem għall-iskop agrikolu tagħha minn bdiewa ġenwini.


Pero` mhux biss, għaliex l-Aġenzija, ser tkun qed takkwista raba’ li tkun qed tiġi offruta għall-bejgħ mis-sidien tagħha, biex imbagħad din l-art tkun tista’ tiġi allokata sabiex tinħadem minn bdiewa ġenwini b’mod speċjali dawk ġodda illi għadhom deħlin jew li qed jippruvaw jidħlu fis-settur agrikolu.


Permezz tal-informazzjoni illi ser tkun qed tigi miġbura fir-reġistri, l-Aġenzija ser tkun tista’ sservi bħala intermedjarju u tkun tista’ tressaq bdiewa li jixtiequ jidħlu fis-settur agrikolu b’mod speċjali ż-żgħażagħ jew bdiewa ġenwini li jkunu qed ifittxu r-raba’ flimkien ma’ bdiewa oħra li jkunu lesti illi jittrasferixxu il-qasam tagħhom jew sidien li jkunu lesti li jikru jew ibiegħu l-art tagħhom. B’dan l-Aġenzija ser tkun qed tiżgura illi l-art agrikola ser tkun qed tgħaddi lill-persuni illi verament lesti jaħdmu u jkabbru s-settur agrikolu.


L-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta ser tkun qed tistabbilixxi diversi miżuri kemm għall-bdiewa kif ukoll għas-sidien tal-art illi l-art tagħhom tkun qed tiġi mikrija lill-terzi.


B’dan kollu, l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta flimkien mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali, ser tkun qed tassigura l-ħtiega li r-raba’ jibqa’ jinħadem għall-iskop agrikolu tiegħu biex b’hekk tkun qed tiggarantixxi s-sostenibbilta` tas-settur agrikolu, il-produzzjoni tal-ikel kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent rurali.

 

FacebookTwitter