Il-missjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali f’Malta hija li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akwakultura, filwaqt li tħares is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u tassigura li jintlaħqu l-ogħla livelli ta’ standards għas-sigurtà tal-ikel.

Il-Ministeru għandu l-għan li jappoġġja lill-bdiewa, lis-sajjieda u lill-esponenti l-oħra f’dawn l-oqsma, filwaqt li jippromwovi l-iżvilupp rurali u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali. Għalhekk il-Ministeru jaħdem ukoll biex jiżviluppa u jimplimenta politiki u regolamenti li jipproteġu s-saħħa tal-annimali, jippromwovi l-pussess responsabbli tal-annimali, u jipprevjenu l-moħqrija lill-annimali.

Is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u l-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru huwa responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u strateġiji relatati ma’ dawn is-setturi. L-għan prinċipali tas-Segretarjat, huwa li jassigura li dawn l-oqsma jibqgħu sostenibbli, kompetittivi u konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja.

Biex din il-viżjoni ssir realtà, il-Ministeru joħloq u jimplimenta strateġiji li jiffukaw fuq oqsma bħas-sostenibbiltà, is-sigurtà lokali tal-ikel u l-investiment infrastrutturali relevanti għal dawn is-setturi.

Waħda mill-inizjattivi prinċipali huwa l-inċentivar ta’ iktar tkabbir fis-settur tal-akwakultura, bil-għan li tiżdied il-produzzjoni tal-ħut ġewwa pajjiżna, b’tali mod li tassigura settur ambjentalment u ekonomikament sostenibbli. Is-Segretarjat iservi wkoll bħala pont bejn operaturi lokali u numru ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività ta’ dawn is-setturi lokali.

Flimkien ma’ dawn l-inizjattivi strateġiċi, is-Segretarjat jinvolvi ruħu fi djalogu permezz ta’ konsultazzjonijiet ma’ uffiċjali pubbliċi, sajjieda u l-kooperattivi tagħhom, sidien ta’ rziezet tal-ħut, NGOs u voluntiera fi ħdan is-settur tal-ħarsien tal-annimali.

Il-Ministeru għandu wkoll rwol kruċjali fil-promozzjoni tas-sigurtà tal-ikel f’Malta. Bir-riżorsi limitati tal-art fil-pajjiż, l-industriji tas-sajd u tal-akwakultura huma sorsi essenzjali għal nutrizzjoni għall-poplu Malti. Għal dan il-għan, is-Segretarjat qiegħed jaħdem biex jassigura li t-tkabbir f’dawn is-setturi jibqgħu produttivi u sostenibbli, b’hekk ikomplu jikkontribwixxu għall-prosperità u s-saħħa tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna.