Il-Ministru
għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ltaqa’
mas-sajjieda f’San Pawl il-Baħar, ftit ġranet qabel jiftaħ l-istaġun
tal-lampuki sabiex iniedi l-inizjattiva tat-tqassim tal-palm mingħajr
ħlas.
Il-preparamenti
u l-ispejjeż tas-sajd tal-lampuki huma kemmxejn kbar u għaldaqstant
permezz ta’ din l-inizjattiva li ħa l-ministeru se jserraħ moħħ
is-sajjieda li se jkollhom palm biżżejjed biex jippreparaw il-kannizzati
tagħhom għall-istaġun tal-lampuki li normalment jibda fil-15 ta’
Awwissu.
Tul
dawn l-aħħar ġimgħat, il-ministeru għamel sensiela ta’ laqgħat ma’
entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll ma’ kunsilli lokali sabiex
jintlaħaq ftehim dwar f’liema żoni se jinżabru l-palm, jinġabar il-weraq
u fl-aħħar issir id-distribuzzjonu lis-sajjieda b’xejn.
Il-ministru
qal li, “din is-sena inżabru ‘l fuq minn 800 siġra u qiegħda tingħata
wkoll kura lill-palm li jkunu nqatgħu l-weraq minnu sabiex ma jiġix
attakkat mill-bumunqar u hekk dak li jkun jibbenefika minn dan
il-proċess fl-istess ħin”. Huwa rringrazzja wkoll lit-tim professjonali
fl-Għammieri.
Fl-aħħar
nett, il-ministru awgura staġun tajjeb lis-sajjieda kollha filwaqt li
qal li dan huwa eżempju ċar ieħor ta’ kif dan il-gvern qiegħed jagħmel
dak kollu li jista’ biex jgħin lis-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha
biex jiffaċilita l-ħidma tagħhom.