Il-gvern ser jerġa’ jestendi skema ta’ għajnuna fuq spejjeż addizzjonali relatati max-xiri tal-fjuwil mis-sajjieda. Din l-iskema hi applikabbli għal sidien ta’ bastimenti liċenzjati bħala MFA u li huma reġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Din l-iskema hi mmirata biex tindirizza l-isfidi li bħalissa qed jiffaċċja s-settur tas-sajd minħabba l-inflazzjoni fil-prezz tal-fjuwil apposta għall-bastimenti tas-sajd. Sajjieda li applikaw għall-ewwel sejħa ta’ din l-iskema ser ikunu qed jiġu notifikati li l-applikazzjoni tagħhom ser tiġi estiża. L-ammont dedikat għal din l-iskema huwa ta’ miljun ewro għas-sena 2023. B’hekk, sa tmiem din is-sena, is-sajjieda ser ikunu gawdew minn total ta’ €1.7 miljun sa mill-bidu ta’ din l-iskema. Dan ifisser li s-sajjieda kollha rreġistrati fuq bażi full-time mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-differenza fiż-żieda tal-prezz tal-fjuwil stabbilita skont l-applikazzjoni.
Il-Ministru Anton Refalo saħaq li l-mira tal-gvern hija biex kontinwament nisimgħu u naraw x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies fi żmien ta’ sfida u għalhekk din l-iskema ser tindirizza dawn l-isfidi billi finanzjarjament jonqsu l-ispejjeż addizzjonali tal-operat tal-bastimenti tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. “Il-gvern huwa kommess li jkompli jkun ta’ spalla għas-sajjieda Maltin u Għawdxin, u għalhekk inħass il-bżonn li terġa’ tiġi mġedda din l-inizjattiva biex jittaffew l-ispejjeż addizzjonali”, qal il-Ministru Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li għal darb’oħra, il-gvern ser ikun tarka għas-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha. “Dan l-inċentiv li qegħdin inħabbru llum huwa ċertifikat ieħor tal-impenn tagħna bħala gvern li nħarsu u nsaħħu din il-parti integrali tat-tessut ekonomiku u soċjokulturali ta’ pajjiżna. Intom is-sajjieda tinsabu fil-qalba tal-ħidma tagħna biex insostnu s-sostenibbiltà f’pajjiżna. Infakkar ukoll li dan is-settur huwa għodda importanti biex pajjiżna jkompli jassigura l-produzzjoni tal-ikel lokali”, qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sajjieda se jkun miftuħ bejn il-15 ta’ Frar u t-3 ta’ Marzu 2023. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta u fl-indirizz tal-Front Office tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, kif ukoll fl-Uffiċini tal-Ħatt tal-Ħut (Malta u Għawdex) jew fl-Uffiċċju tal-Uffiċjali tas-Sigurtà fl-Għammieri, il-Marsa. L-applikanti li jixtiequ jniżżlu kopja tal-formola, jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw il-Projects Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura. Għal aktar mistoqsijiet fuq din l-iskema, is-sajjieda għandhom jagħmlu kuntatt mal-uffiċċju inkarigat mill-fondi tad-Dipartiment fuq 2339 7118, jew jibagħtu email fuq
fisheriesprojects.mafa@gov.mt.