Il-bidla fil-liġi tal-qbiela mressqa mill-Gvern u approvata mill-Parlament hi bidla li qed tagħti protezzjoni mill-ġdid lill-art agrikola u għalhekk lill-bidwi, protezzjoni li kienet intilfet u li l-Gvern ser ikompli jibni fuqha.
Għalhekk b’referenza għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar din il-bidla, irid ikun iċċarat li l-Gvern indirizza kwistjoni li kienet ilha tħasseb lill-bdiewa għal ħafna snin. B’hekk qed tkun garantita s-sostenibbiltà tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent rurali, kif ukoll tkun issalvagwardjata l-art agrikola.
Kien ukoll dan il-Gvern illi permezz ta’ Fondi Nazzjonali u Ewropej ra kif mhux biss tiġi indirizzata l-liġi tal-qbiela, iżda wkoll tħabbru diversi skemi li jgħinu sabiex is-settur agrikolu jibqa’ wieħed b’saħħtu anka fi żmien fejn l-Ewropa għaddejja minn żmien ta’ kriżi.
Fil-fatt, ilbieraħ stess il-Gvern ħabbar kif, permezz ta’ €166 miljun għall-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea, matul is-seba’ snin li ġejjin ser naħdmu sabiex, fost l-oħrajn, jissaħħu l-pagamenti diretti biex itejbu l-qagħda ekonomika tal-bdiewa, noħolqu għodda sabiex bdiewa żgħażagħ jakkwistaw art agrikola, filwaqt li naħdmu biex nagħtu enfasi akbar fuq il-biedja organika.
Il-Gvern hu impenjat li jkun viċin tal-bdiewa u r-raħħala. Għalhekk, kif kien diġà mħabbar, issa li t-tibdil fl-att li jirregola l-qbiela daħal fis-seħħ qed jagħti s-setgħa lill-Gvern li jiffissa regoli ċari u ekwi ta’ kif għandha tiġi stmata r-raba’. Dawn ir-regoli se jkunu ppubblikati wara konsultazzjoni mas-settur.