STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ | €166 miljun minn fondi Ewropej għall-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ | €166 miljun minn fondi Ewropej għall-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni

Reference Number: PR230210mt, Press Release Issue Date: Feb 08, 2023
€166 miljun minn fondi Ewropej għall-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, ħabbar il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) għal Malta 2023-2027. Għal dan il-programm operattiv, li jifforma parti mill-pakkett ta' €2.2 biljun li nnegozja b'suċċess il-Gvern Malti, hemm allokat investiment ta' €166 miljun. 

F'konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza ta' bosta msieħba li jaħdmu fil-qasam, ġie spjegat kif dawn il-fondi se jolqtu b'mod pożittiv lis-settur u lir-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin. 

Il-Ministru Anton Refalo tkellem dwar kif dan il-pjan ta' fondi Ewropej għas-seba' snin li ġejjin, se jara żieda sostanzjali fl-allokazzjoni għall-pagamenti diretti biex itejbu l-qagħda ekonomika tal-bdiewa. Huwa spjega li permezz ta' dawn il-fondi ser jinħarġu diversi skemi fosthom skema għall-bdiewa żgħażagħ biex jakkwistaw art agrikola; skemi mmirati biex itejbu d-drittijiet u l-ħarsien tal-annimali; u skemi b'enfasi akbar fuq il-biedja organika b'miri ambizzjużi. 

Il-ministru kompla jgħid li apparti l-pagamenti diretti, il-pjan se joffri wkoll għajnuna għall-investimenti bħall-immodernizzar tal-irziezet, ix-xiri ta' makkinarju biex titjieb l-effiċjenza fil-biedja, investimenti fi strutturi agrikoli bħal ħitan tas-sejjieħ, investimenti f'enerġija rinnovabbli u f'riċerka u inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn entitajiet u l-bdiewa nfushom, u għajnuna teknika mis-servizzi konsultattivi tal-Agriconnect. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett sostna li fiż-żmien li ġej se jiġu diskussi mal-Monitoring Committee tal-Kummissjoni Ewropea l-kriterji li għandhom joħorġu fl-espressjoni ta' interess għal-local action groups. 

“Bil-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023-2027 se nkunu qegħdin nappoġġjaw lis-settur agrikolu biex imorru lejn prattiċi iktar sostenibbli u favur l-ambjent. L-agrikoltura rriduha ssir ħolqa iktar b'saħħitha fl-istrateġija wiesa' ta' pajjiżna. Bil-€166 miljun irridu nkunu ta' appoġġ għas-settur sabiex jikber u jsir iktar reżiljenti filwaqt li nħarsu r-riżorsi naturali u l-bijodiversità tal-pajjiż", qal Chris Bonett. 

Apparti li se jibbenefikaw minn fondi Ewropej, il-bdiewa u r-raħħala se jkunu qed igawdu minn skemi oħra mnedija mill-gvern, fosthom skemi ta' taħriġ għall-bdiewa żgħażagħ għall-ħarsien tal-annimali kif ukoll skema tal-vawċers għall-fertilizzanti sabiex jitnaqqas il-piż ekonomiku li qed jirriżulta mill-gwerra ġewwa l-Ukrajna, fost oħrajn.