STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Investiment għar-riċerka fis-settur tal-akwakultura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Investiment għar-riċerka fis-settur tal-akwakultura

Reference Number: PR230206mt, Press Release Issue Date: Feb 08, 2023
Investiment għar-riċerka fis-settur tal-akwakultura
​Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura bħalissa qiegħed iwettaq ħidma fuq proġett ta’ riċerka msejjaħ SIMTAP (Self-sufficient Integrated Multi-Trophic Aquaponic Systems). L-għan prinċipali tal-proġett SIMTAP hu li tiġi iddisinjata sistema innovattiva ta’ produzzjoni tal-ikel li tnaqqas b’mod drastiku l-għalf tal-ħut. Dan bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali minn dan is-settur. 

Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said fejn spjegat li dan il-proġett mistenni jintemm din is-sena u qed isir b’ko-finanzjament ma’ bosta entitajiet governattivi, kif ukoll ma’ entitajiet minn ħames pajjiżi differenti. L-investiment totali għal dan il-proġett jammonta għal €170,000.

Ġie spjegat ukoll kif id-Direttorat tal-Akwakultura qed jaħdem fuq sistema fejn primarjament l-awrat jiġi mitmugħ l-ikel kummerċjali. B’hekk l-ilma ser ikun qed jgħaddi minn għadd ta’ tankijiet b’organiżmi differenti u ssir filtrazzjoni tan-nutrijenti fl-ilma li jkun ġej mill-għalf u ħmieġ tal-ħut. Dan ser jgħin sabiex titnaqqas id-domanda fuq il-filtrazzjoni u fl-istess ħin jistgħu jitkabbru speċi oħra li għandhom potenzjal kummerċjali.

L-akwakultura huwa wieħed mill-pilastri tal-Politika Komuni għas-Sajd u fl-aġenda tat-Tkabbir Blu. Tkabbir Blu hija strateġija li tħares fit-tul lejn tkabbir sostenibbli tas-settur marittimu fit-totalità tiegħu. Għaldaqstant huwa importanti li Malta, bħala pajjiż Ewropew, tkompli tkabbar is-settur tal-akwakultura b’sistemi li huma ekonomikament effiċjenti.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Sajd sostniet li dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ inizjattivi li l-gvern qiegħed imexxi ‘l quddiem sabiex tissaħħaħ l-ekonomija ċirkolari ta’ pajjiżna. Kompliet tgħid li permezz ta’ dan il-proġett u oħrajn li huma ppjanati għas-snin li ġejjin, il-gvern kommess li jara l-akwakultura tiżviluppa, li tinħoloq niċċa ġdida li tagħti lok għall-investiment privat u li jiżdiedu anke l-opportunitajiet ta’ xogħol f’dan is-settur għall-ġenerazzjoni żagħżugħa.

“Irridu nkomplu nsaħħu l-pedamenti tas-sostenibbiltà ekoloġika lokali, filwaqt li ninċentivaw it-tkabbir ekonomiku fis-setturi tas-sajd u l-akwakultura. Ser inkomplu noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda għall-investiment privat, u rridu nkomplu naħdmu favur opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi u riċerka għall-ġenerazzjoni żagħżugħa,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.