Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said varat diskussjoni mifruxa fuq erbat ijiem, bejn is-6 u l-10 ta' Frar 2023, li ser titratta l-ispeċi aljeni fis-settur tas-sajd permezz tal-proġett tal-MedSudMed.
Din il-laqgħa qed issir f'pajjiżna wara s-suċċess tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Proġett fit-Tuneżija f'Diċembru 2022. Din l-inizjattiva ser tkompli tkabbar l-għarfien u l-esperjenza dwar l-isfruttament tal-ispeċi aljeni madwar il-Mediterran, fosthom il-granċ blu (blue crab). Għal dawn il-laqgħat ta' diskussjoni ser ikunu qed jipparteċipaw ukoll rappreżentanti u esponenti mit-Tuneżija.
Fl-indirizz tagħha waqt din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li, “Is-sajda tal-granċ blu f'Malta hija opportunità ġdida għas-sajjieda minħabba li l-granċ il-blu ġie introdott riċentament fir-reġjun tal-Mediterran". Qalet ukoll li dan l-avveniment ser iservi ta' opportunità għall-pajjiżi msieħba sabiex flimkien jiddiskutu u jitgħallmu mill-għarfien ta' pajjiżi oħra filwaqt li jibnu sħubijiet ġodda biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi futuri.
“Dawn l-isfidi ma nistgħux naffaċċjawhom waħedna; huwa biss flimkien, permezz ta' azzjoni konkreta u djalogu konsistenti, li jkollna l-kapaċità li flimkien infasslu t-triq 'il quddiem", ikkonkludiet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.