STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

Reference Number: PR230158mt, Press Release Issue Date: Jan 31, 2023
 
Għall-kuntrarju ta' dak li qalet l-Oppożizzjoni fi stqarrija marbuta mas-settur tas-sajd, il-gvern dejjem jikkonsulta u saħansitra ħadem bis-sħiħ sabiex inkisbet kwota ta' mal-kważi 44 tunellata ta' tonn. Din hija żieda rekord f'dawn l-aħħar tliet snin.​

Proprju l-ġimgħa li għaddiet tħabbru żewġ laqgħat ta' konsultazzjoni; waħda f'Malta u oħra f'Għawdex, fejn is-sajjieda se jkunu fiċ-ċentru tad-djalogu rigward il-kwota tat-tonn. Fl-aħħar jiem anki ntbagħtet stedina lill-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd sabiex dak li joħroġ mill-konsultazzjoni wiesgħa li se ssir, jiġi diskuss u konkluż mal-istess Koperattiva. ​

L-impenn tal-gvern jibqa' li jkompli jagħti l-għodod neċessarji lis-sajjieda sabiex jiġi inċentivat l-investiment u tiġi ppremjata l-bżulija. Hija ta' prijorità għal dan il-gvern li jingħata spazju lis-sajjieda żgħażagħ, kif ukoll tiġi rrikonoxxuta l-ħidma u s-sagrifiċċji ta' ħafna sajjieda.