Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo attenda għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura fi Brussell, fejn ġew diskussi diversi temi fosthom il-ħarsien tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel, l-użu tal-pestiċidi u anke l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna.
B’referenza għall-gwerra fl-Ukrajna li ġabet magħha diversi sfidi għas-setturi agrikoli kollha, il-Ministru Refalo tenna li għandu jkun hemm aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi li diġà huma allokati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni u l-fondi mhux utilizzati fil-Pjan għall-Iżvilupp Rurali. Sostna wkoll li Malta tilqa’ kull proposta li tista’ tkompli tnaqqas il-piż ikkawżat minn din il-kriżi.
Dwar il-bijoekonomija, il-Ministru Refalo spjega kif il-produtturi Maltin għadhom mhux konxji biżżejjed dwar il-potenzjal u l-benefiċċji tal-bijoekonomija. Huwa kompla jgħid li “jeħtieġ li nikkonċentraw il-ħidma tagħna sabiex nappoġġjaw lill-bdiewa biex jaċċessaw l-art agrikola, strumenti finanzjarji, u swieq ġodda li jagħmlilhom possibbli li jinvestu f’teknoloġiji ġodda li jiffaċilitaw produzzjoni aktar bijoekonomika filwaqt li tonqos id-dipendenza fuq prodotti impurtati.”
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Anton Refalo elenka bosta proġetti, inizjattivi u investimenti li diġà saru jew qed isiru f’Malta u Għawdex bħalissa fil-qasam tal-agrikoltura, fosthom it-tisħiħ tal-kunċett Farm to Fork; is-simplifikazzjoni u ż-żieda fl-aċċess għall-pestiċidi organiċi li diġà huma rreġistrati fi stati membri oħrajn tal-UE iżda li ma kinux irreġistrati f’Malta; kif ukoll il-ħidma fuq l-iżvilupp tal-ewwel Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli, liema politika se jkun fiha wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Produzzjoni Organika f’Malta.
Fi Brussell ġie nnutat ukoll l-għajnuna kontinwa li qed joffri l-Gvern Malti f’dawn l-oqsma, partikolarment fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista tal-ikel.