STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Iffirmat ftehim bejn il-Biċċerija Pubblika u l-Università ta’ Ghent

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Iffirmat ftehim bejn il-Biċċerija Pubblika u l-Università ta’ Ghent

Reference Number: PR221376mt, Press Release Issue Date: Oct 13, 2022
Iffirmat ftehim bejn il-Biċċerija Pubblika u l-Università ta’ Ghent
​Ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u ċ-Ċentru għall-Klassifikazzjoni tal-Karkassi fl-Università ta’ Ghent. Permezz ta’ dan il-ftehim, iċ-Ċentru għall-Klassifikazzjoni tal-Karkassi fl-Università ta’ Ghent se tkun qed tgħin lill-Biċċerija Pubblika biex ittejjeb il-mod kif jiġi kklassifikat il-laħam f’Malta, skont l-aħjar prattiċi Ewropej.
 
Il-Ministru Anton Refalo spjega li dan il-ftehim huwa parti mill-ħidma tal-Ministeru biex ikompli jwettaq il-wegħdiet elettorali biex tiżdied l-effiċjenza fil-Biċċerija u titjieb il-profittabilità tar-raħħala, filwaqt li jiġu identifikati opportunitajiet fis-setturi tal-biedja u s-sajd li jmorru lil hinn mill-prodott innifsu u li jistgħu jagħmlu dawn l-industriji aktar attraenti u finanzjarjament viabbli. 
 
Permezz ta’ dan il-ftehim, dan iċ-ċentru ewlieni ta’ riċerka fil-Belġju se jkun qed jagħti taħriġ lill-ħaddiema fil-Biċċerija Pubblika dwar il-klassifikazzjoni taċ-ċanga u tal-majjal, kif ukoll jgħin lill-Biċċerija biex għall-ewwel darba jkollha sistema nazzjonali ta’ klassifikazzjoni awtomatika tal-majjal skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, se jkun qed jagħti wkoll pariri għat-twaqqif, monitoraġġ, u tiġdid ta’ proċessi ta’ reviżjoni u verifika ta’ klassifikazzjoni u proċessi relatati fil-Biċċerija Pubblika u entitajiet oħra fi ħdan il-ministeru.
 
Iċ-Ċentru għall-Klassifikazzjoni tal-Karkassi fl-Università ta’ Ghent huwa entità ewlenija fil-Belġju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ klassifikazzjoni tal-bhejjem. Minbarra li jwettaq riċerka fuq dan is-suġġett, jikkollabora mill-qrib u jagħti appoġġ tekniku u xjentifiku lid-Dipartiment tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Gvern Fjamming, l-Interprofessional Association for Belgian Meat (IVB) u entitajiet privati.