Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard nedew riforma li tassigura l-art agrikola flimkien ma’ White Paper dwar riforma fil-qasam tar-raba’.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-gvern se jkun qed jiggarantixxi mhux biss is-sostenibbiltà tal-biedja iżda anke tal-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jitħares l-ambjent rurali. Permezz ta’ żewġ binarji, dik fl-immedjat u oħra li tħares fit-tul, din għandha tkun waħda mill-ikbar riformi ambjentali fl-aħħar snin.
Fl-immedjat se jkun qed jitressaq quddiem il-Parlament abbozz ta’ liġi li jemenda Kapitolu 199 ta’ Liġi ta’ Malta. Dan l-intervent leġiżlattiv se jwassal għal aktar bilanċ bejn l-interessi tas-sidien tal-għelieqi, il-kerrej, jew kif inhu magħruf il-bidwi, u anke l-interess tal-pubbliku inġenerali.
Il-gvern se jkun ukoll qed iniedi White Paper, u l-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper setgħet issir wara li ġew studjati bir-reqqa u b’serjetà kwistjonijiet li jeżistu fil-qasam tar-raba’. Filwaqt li l-gvern jagħraf il-jedd ta’ kull sid li jgawdi ħwejġu kif inhu xieraq, din ir-riforma proposta hija għalhekk imsejsa fuq il-bilanċ bejn l-interess privat u dak pubbliku.
F’dan l-isfond, b’dak propost, il-gvern qed jara li, fost oħrajn, ikun hemm il-ħolqien ta’ żoni agrikoli, li jiġi stabbilit prezz ġust u xieraq, l-għarfien li art agrikola jkollha bħala skop prinċipali tagħha l-kultivazzjoni tal-ikel, ir-reġistrazzjoni tal-kirjiet għall-bejgħ ta’ art agrikola, u ż-żamma ta’ reġistru ta’ dawn it-trasferimenti.
Qed jiġi propost ukoll li tinħoloq awtorità apposta sabiex taġixxi bħala regolatur f’dan il-qasam. L-awtorità għandha tħaddan fiha rappreżentanza tal-partijiet konċernati u jkun hemm l-involviment ta’ professjonisti u uffiċjali mħarrġa.
Il-Ministru Anton Refalo qal li s-settur agrikolu huwa pedament kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u għalhekk il-gvern intervjena sabiex ikompli jsaħħaħ dan il-qasam. “Il-pandemija u konsegwentament il-gwerra fl-Ukrajna fakkruna kemm fil-fatt dan is-settur huwa ta’ importanza sabiex nassiguraw sigurtà fil-provvista ta’ ikel frisk, il-protezzjoni tal-bijodiversità, u l-kwalità tal-ħajja għalina lkoll”, saħaq il-Ministru Refalo.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard spjega li r-riformi leġiżlattivi li qed iressaq il-gvern huma msejsa fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità. Hu kompla jgħid li dan huwa abbozz ta’ liġi importanti ħafna, fejn għal darba oħra qed naraw gvern deċiżiv li qiegħed jintervjeni u jindirizza sitwazzjonijiet li sal-lum ħadd ma kellu l-kuraġġ jindirizza, bl-istess mod li intervjena fir-riforma tal-kirjiet protetti.
Il-Ministru Attard sostna li permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-bidwi se jingħata serħan il-moħħ li ma jistax jiġi żgumbrat mill-għalqa tiegħu, filwaqt li s-sid se jkun assigurat li mhux se jibqa’ fl-istess sitwazzjoni bħalma wħud għadhom qed jesperjenzaw illum il-ġurnata.
Il-konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-White Paper tar-Riforma fil-Qbiela tar-Raba’ tinsab miftuħa u kulħadd huwa mistieden jibgħat is-sottomissjonijiet tiegħu fuq is-sit
konsultazzjoni.gov.mt sa mhux aktar tard mit-Tlieta, 8 ta’ Novembru 2022.