STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Għajnuna finanzjarja ta’ €116,487 għal 16-il għaqda volontarja li jieħdu ħsieb l-annimali

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Għajnuna finanzjarja ta’ €116,487 għal 16-il għaqda volontarja li jieħdu ħsieb l-annimali

Reference Number: PR221265mt, Press Release Issue Date: Sep 29, 2022
Għajnuna finanzjarja għal 16-il għaqda volontarja li jieħdu ħsieb l-annimali
​Madwar 16-il għaqda volontarja li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali ngħataw bejniethom is-somma ta’ €116,487 bil-għan li jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna. 
 
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat li għal sena oħra d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali reġa’ nieda din l-iskema finanzjarja sabiex jgħin lil dawk in-nies li jieħdu ħsieb annimali li jkunu abbandunati f’diversi organizzazzjonijiet u santwarji.
 
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Anton Refalo saħaq li b’dawn il-fondi l-gvern qed ikompli jservi ta’ spalla għal dawn l-għaqdiet. “L-għan wara din l-inizjattiva hu li jkun hemm appoġġ lejn dawn l-organizzazzjonijiet biex iwettqu proġetti li għandhom il-potenzjal jipprovdu ħajja xierqa għall-annimali. Bħala ministeru, flimkien mal-NGOs, qed naħdmu kontinwament sabiex lil dawn l-annimali nagħtuhom l-attenzjoni u l-kura li jeħtieġu.” 
 
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li, “Bħala gvern irridu nibqgħu naħdmu spalla ma’ spalla ma’ dawn l-għaqdiet. Apparti l-għajnuna finanzjarja, kif ukoll dik loġistika li nipprovdu ta’ kuljum, dan il-gvern qed jaħdem bla waqfien biex jassigura djalogu kontinwu bejn l-aġenziji kollha involuti, l-għaqdiet nongovernattivi differenti, kif ukoll il-poplu inġenerali.”