STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | €4 miljun investiment biex inkomplu nsebbħu l-pajsaġġ tal-gżejjer Maltin

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | €4 miljun investiment biex inkomplu nsebbħu l-pajsaġġ tal-gżejjer Maltin

Reference Number: PR220367mt, Press Release Issue Date: Mar 16, 2022
€4 miljun investiment biex inkomplu nsebbħu l-pajsaġġ tal-gżejjer Maltin
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda l-ewwel fażi tal-proġett pilota tal-agriforesterija li huwa l-ewwel pass li se jwassal għat-twettiq ta’ azzjonijiet fuq bażi nazzjonali li b’kollox se jammontaw għal €4 miljun. 
 
Din l-iskema se sservi biex jitkabbru siġar flimkien ma’ attività agrikola fl-għelieqi. L-għan ta’ dan kollu huwa biex tittejjeb il-bijodiversità u l-konservazzjoni tal-ħamrija filwaqt li tnaqqas l-impatt tar-riħ u żżid is-sekwestru tal-karbonju tal-art agrikola. Minbarra l-benefiċċji ambjentali u agronomiċi tagħha, din l-iskema se ssebbaħ ukoll il-pajsaġġ tal-gżejjer Maltin filwaqt li se tgħin l-ekosistema tikkumbatti t-tibdil fil-klima u ttejjeb l-arja.
 
Il-Ministru Anton Refalo spjega li, “Dan il-proġett nazzjonali se jkun maqsum f’numru ta’ fażijiet. L-applikazzjonijiet se jkunu limitati għal azjendi agrikoli magħżula minn qabel fejn l-għelieqi ser ikunu ta’ ċertu kobor u biswit tal-bini fil-lokalitajiet magħżula. Dawn iridu jkunu wkoll irreġistrati fis-sistema tal-Aġenzija tal-Pagamenti (ARPA). L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu fl-uffiċini tal-AgriConnect fil-Mellieħa u f’Ħaż-Żabbar, kif ukoll fl-uffiċċju ta’ Għawdex fix-Xewkija”. 
 
Il-ministru spjega li, “L-applikanti li se jingħażlu, se jkunu eliġibbli għal massimu ta’ 400 siġra u għal għotja ta’ manutenzjoni annwali għall-perjodu ta’ erba’ snin, li titħallas pro rata sa massimu ta’ €1,000 għal kull ettaru fis-sena”.
 
Għal din l-iskema ġew allokati 4,000 siġra, u dan l-ammont se jitqassam skont kif tkun daħlet l-applikazzjoni. 
 
Iktar informazzjoni u linji gwida rigward din l-iskema se jittellgħu onlajn fuq is-sit elettroniku www.agrikoltura.gov.mt​.