STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Investiment ta’ €428,000 fil-Pitkalija

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Investiment ta’ €428,000 fil-Pitkalija

Reference Number: PR220342mt, Press Release Issue Date: Mar 11, 2022
Investiment ta’ €428,000 fil-Pitkalija
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar investiment ta’ €428,000 fil-Pitkalija li jikkonsisti fi crate washer li se jgħin biex jiffaċilita x-xogħol tal-bdiewa, il-koperativi kif ukoll il-ħaddiema tal-Pitkalija. Sena ilu, il-Pitkalija kienet qed topera fuq sistemi antiki. Wara t-twaqqif tal-Malta Food Agency illum il-Pitkalija tiffunzjona u titħaddem b’sistemi moderni tal-informatika u b’aktar trasparenza. Dan kollu jifforma parti mill-pjan li kien imħabbar ftit tax-xhur ilu u li qed jiġi implimentat sabiex il-Pitkalija toffri l-aqwa u l-aħjar għall-benefiċċju tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.

B’dan l-investiment il-gvern kompla jagħti prijorità lis-settur agrikolu u investa f’magna li se tkun qiegħda tnaddaf il-kaxxi tal-ippakkeġjar tal-prodotti lokali. Apparti x-xiri ta’ din il-magna kien hemm investiment fil-faċilità tal-ħasil tal-kaxxi billi tranġa l-post sabiex jitjieb l-operat. Sar investiment fir-riżorsi umani li huma meħtieġa, kemm biex jitmexxa l-post b’mod effiċjenti kif ukoll abbażi tad-domanda. Investiment ieħor sar sabiex titjieb is-sistema tal-elettriku ġewwa l-Pitkalija. 

Il-Ministru Refalo qal li dan l-investiment ser iservi biex jitjieb is-servizz u tiġi assigurata l-ogħla effiċjenza billi l-provvista tal-ilma u tad-dawl tiġi utilizzata b’mod sostenibbli. Kompla jgħid li dan kollu se jservi sabiex tiġi assigurata l-kwalità u jingħata servizz aħjar biex il-konsumatur jasallu prodott frisk u bnin. 

Bħala parti mir-riforma tal-pitkalija, illum tħabbret wkoll app ġdida bl-isem ta’ ilbidwi.gov.mt fejn fiha kull bidwi li ser iddaħħal ix-xoghol tiegħu fil-pitkalija ser jingħata aċċess biex ikun jista’ jara d-data personali tiegħu fosthom kemm inbigħ il-prodott tiegħu. Din is-sistema ser tagħti aktar serħan il-moħħ lill-bdiewa kif ukoll toffri aktar trasparenza.