STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT

Reference Number: PR220302mt, Press Release Issue Date: Mar 04, 2022
Imniedi fond ta’ għajnuna għal organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali
​Ħarġet uffiċjalment is-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Animal Welfare Fund 2022 li se tkun qed tgħin permezz ta’ fondi allokati apposta lil organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali. 

L-iskop ta’ din l-inizjattiva jkompli jwettaq dak li ġie mwiegħed fil-manifest elettorali tal-gvern. It-twaqqif tal-Animal Welfare Fund kien sar biex jgħin lil dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huma attivi f’dan il-qasam. Dan il-fond huwa essenzjali biex organizzazzjonijiet volontarji jkunu jistgħu jieħdu aktar fondi u jtaffu ftit mill-ispejjeż li jġib miegħu dan ix-xogħol li huwa essenzjali biex inħarsu l-annimali abbandunati, imweġġgħin jew saħansitra maħqura. 

Il-Ministru Anton Refalo qal li fl-aħħar sentejn seta’ japprezza iktar il-ħidma kontinwa tal-organizzazzjonijiet volontarji. Tkellem dwar kemm hi essenzjali l-kura tal-annimali abbandunati u b’sodisfazzjon ħabbar li ġew allokati €85,000 għal proġetti li jkopru l-aspetti kollha tal-ħarsien tal-annimali. Il-Ministru Refalo spjega li, “Dawn il-proġetti jvarjaw minn titjib tal-infrastruttura fi ħdan l-NGOs, għall-kopertura tal-ispejjeż tal-mediċini u l-għalf. Din is-sena ser tingħata wkoll opportunità lill-organizzazzjonijiet volontarji biex jieħdu l-kompitu li jsewwu l-klieb f’irziezet reġistrati, u b’hekk tgħin fit-tnaqqis tan-numru ta’ ġriewi abbandunati”. 

Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-organizzazzjonijiet volontarji għal xogħolhom u fakkar lil kulħadd fl-importanza tal-microchipping u tan-neutering kif ukoll dwar l-importanza li jekk jiddeċiedu li jġibu annimal domestiku d-dar, jadottaw u mhux jixtru. 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet li l-gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb l-annimali permezz ta’ skemi finanzjarji bħal dawn li jkomplu jagħtu inċentiv għal dan ix-xogħol li jsir minn dawn l-organizzazzjonijiet. 

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li permezz ta’ din l-iskema qed tkompli titwettaq wegħda elettorali tal-gvern li jassisti permezz ta’ fondi lill-organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb il-ħarsien tal-annimali.