STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Jiltaqa’ l-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura fil-Lussemburgu

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Jiltaqa’ l-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura fil-Lussemburgu

Reference Number: PR211890mt, Press Release Issue Date: Oct 15, 2021
 
Bejn it-Tnejn 11 u t-Tlieta 12 ta’ Ottubru ltaqa’ l-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura fil-Lussemburgu. 
 
Fost it-temi diskussi f’dan il-Kunsill kien hemm il-preparamenti għal-Laqgħa Annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku, fejn Malta qablet mal-Kummissjoni Ewropeja li, għas-sena 2022, jinżammu l-kwoti attwali tat-tonn. Minkejja dan, fid-dawl li rapporti riċenti tal-IUCN qed juru li t-Tonn tal-Atlantiku m’għadux ikkunsidrat bħala speċi fil-periklu ta’ estinsjoni, Malta talbet ukoll sabiex issir l-istima xjentifika tal-ħażna tat-tonn tant mistennija, bil-possibilità li dawn il-kwoti jkunu jistgħu jiżdiedu mill-iktar fis possibbli abbażi tax-xjenza.
 
Barra minn hekk, intlaħaq qbil bejn l-istati membri dwar l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2022 fil-Baħar Baltiku, filwaqt li saru wkoll diskussjonijiet preparatorji għan-negozjati li ġejjin dwar opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet tal-ħut maqsuma mar-Renju Unit, in-Norveġja u l-istati kostali tal-Baħar tat-Tramuntana għas-sena 2022.
 
Waqt id-diskussjoni fuq temi agrikoli, l-istati membri taw stampa ċara dwar il-preparamenti tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrarja Komuni (PAK). Malta spjegat li hija impenjata b’mod attiv fl-abbozzar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK u li fil-preżent għaddejja ħidma fuq it-tfassil tal-interventi bil-ħsieb li jitfasslu l-miżuri futuri.
 
Dan il-Kunsill iddiskuta wkoll r-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Malta uriet l-appoġġ tagħha għal din il-proposta u qalet li l-istati membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jiddefinixxu u jfasslu standards xierqa li huma adattati għall-ħtiġijiet tagħhom. Malta esprimiet it-tħassib tagħha li din il-proposta m’għandhiex twassal għal nuqqas ta’ profittabilità għall-bdiewa, żieda fil-prezzijiet għall-konsumaturi, u għal aktar ħela ta’ ikel. Fil-fatt, Malta ssuġġeriet li għandu jkun hemm skemi finanzjarji għall-ipproċessar ta’ prodotti li ma jkunux laħqu l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni meħtieġa. Malta għamlet enfasi fuq prodotti tal-għasel kummerċjalizzati fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea u pproponiet li jsir rekwiżit li fuq it-tikketta ta’ prodotti tal-għasel jitniżżel il-pajjiż minn fejn ikun oriġina l-prodott. Din l-informazzjoni għandha twassal għal inqas possibilità ta’ frodi tal-ikel filwaqt li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi li jagħmlu għażliet aktar infurmati meta jixtru l-għasel.
 
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill, Malta appoġġjat dikjarazzjoni mressqa mill-Belġju dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-majjali fl-Unjoni Ewropea. Malta ilha għal żmien twil issemmi t-tħassib tagħha dwar il-prezzijiet għoljin tal-għalf li l-bdiewa tagħna qegħdin jesperjenzaw. Malta spjegat ukoll li stati membri gżejjer jiffaċċjaw żieda addizzjonali fl-ispejjeż relatati mat-trasport, speċjalment dak bil-baħar, għall-importazzjoni ta’ prodotti bażiċi li jintużaw fil-produzzjoni tal-għalf għall-annimali. Għaldaqstant, Malta tenniet li tixtieq tara li l-Kummissjoni Ewropea tagħti sostenn xieraq lill-industrija tal-majjali.