STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | L-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali

STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | L-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali

Reference Number: PR211878mt, Press Release Issue Date: Oct 13, 2021
L-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar investiment fil-biċċerija li se jammonta għal madwar mitt elf ewro. Dan se jkun l-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-biċċerija.
 
L-impjant fil-Biċċerija Pubblika fil-Marsa se jkun strumentali biex jerġgħu jitnedew fis-suq lokali prodotti tradizzjonali Maltin, fosthom il-kirxa.
 
Il-Ministru Refalo spjega li l-użu ta’ dawn il-prodotti sekondarji intilef fl-aħħar snin, b’mod speċjali meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, hekk kif il-metodi ta’ proċessar li kienu jintużaw fl-imgħoddi ma baqgħux aċċettabbli u ħadd ma daħal għall-investiment neċessarju biex prodotti li kienu ilhom jintużaw għal mijiet ta’ snin jitmantnew u jiġu vvalorizzati kif sar f’pajjiżi oħra.
 
“Dan huwa investiment ieħor, imħabbar fil-baġit għal din is-sena, li permezz tiegħu qed ngħinu biex inkabbru l-kompetittività tas-settur agrikolu lokali li kull ma jmur qiegħed jesperjenza kompetizzjoni dejjem iktar qawwija minn prodotti importati. Permezz ta’ dawn il-prodotti, li għandhom valur potenzjal ogħla fis-suq, se nkunu qed ngħinu lir-raħħala Maltin u Għawdxin jsaħħu d-dħul tagħhom u jdawru dak li sal-lum huwa skart, f’opportunità ġdida ta’ qligħ”, stqarr il-ministru.
 
Sal-lum, il-parti l-kbira tal-prodotti sekondarji mill-majjal, iċ-ċanga, in-nagħaġ u l-mogħoż maqtula lokalment jinħarqu fl-Impjant Termali għat-Trattament tal-Iskart li jinsab biswit il-biċċerija. Is-sena li għaddiet ġew mormija madwar 1,700 tunnellata ta’ materjal li parti sewwa minnu jista’ jkollu użu differenti. 
 
Dan il-materjal jinkludi prodotti sekondarji li jistgħu jintużaw għall-konsum uman, bħall-kirxa jew id-demm. Prodotti sekondarji oħra, fosthom il-qarn ta’ xi annimali, jista’ jintuża għal skopijiet dekorattivi jew fi snajja tradizzjonali.