STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : L-ewwel edizzjoni tal-Animal Honours Awards

STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : L-ewwel edizzjoni tal-Animal Honours Awards

Reference Number: PR211833mt, Press Release Issue Date: Oct 05, 2021
L-ewwel edizzjoni tal-Animal Honours Awards
​Saret l-ewwel edizzjoni tal-Animal Honours Awards fil-preżenza tal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, Dr Lydia Abela, kif ukoll il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina.
 
L-għan ewlieni tal-Animal Honours Awards huwa li titqajjem kuxjenza dwar il-ħarsien tal-annimali. L-avveniment ġie ċċelebrat propju fil-Jum Dinji tal-Annimali li fih taħbat ukoll il-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-patrun tal-annimali.
 
Il-Ministru Refalo wera l-apprezzament lejn dawk kollha li ressqu n-nomini tagħhom hekk kif dawn ammontaw għal 781 sottomissjoni għall-20 kategorija differenti. Huwa qal li, “Din il-konkorrenza tikkonferma kemm kien hemm bżonn ta’ avveniment bħal dan li jagħti l-opportunità biex jiġi rrikonoxxut ix-xogħol iebes li jsir biex jitħarsu l-annimali tagħna.”
 
Il-Bord tal-Aġġudikaturi għarbel in-nominazzjonijiet kollha sabiex jiddeterminaw il-finalisti. Il-Ministru Refalo irringrazzja lit-tim fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali li ta l-ħajja lil din il-viżjoni u li bis-saħħa tiegħu saret realtà. Huwa rringrazzja wkoll lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għal-Ħarsien tal-Annimali għall-kollaborazzjoni tiegħu kif ukoll lid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali speċjalment l-istaff u l-voluntiera kollha li jaħdmu għall-benesseri tal-annimali li jiġu salvati, riabilitati u adottati. 
 
Dr Lydia Abela fissret dan l-avveniment ta’ rikonoxximent nazzjonali bħala pass ieħor ‘il quddiem fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali. “Nemmen li huwa sinjal li bħala nazzjon qed inkomplu nimmaturaw fir-rispett u nsaħħu t-twemmin tas-sehem importanti tal-annimali fil-komunitajiet tagħna”, sostniet mart il-prim ministru.  
 
Dr Abela qalet li r-rikonoxximenti nazzjonali jippremjaw ir-rabta bejn l-annimal u l-uman. Għalhekk qed jiġu ppremjati n-nies li għamlu ħafna mal-annimali – minn veterinarji u bdiewa sa ġurnalisti li ħolqu kuxjenza b’kitbiethom, filwaqt li qed jiġu rikonoxxuti wkoll l-annimali nfushom – minn dak l-animal li ta servizz nobbli biex persuna tgħix hajja indipendenti sal-animal li għamel ġest ta’ kuraġġ u allura kien ta’ ispirazzjoni għan-nies. 
 
Dr Abela sostniet li rikonoxximenti bħal dawn iħeġġu aktar stejjer ta’ suċċess bejn in-nies u l-annimali, filwaqt li jiċċelebraw il-pożittiv li għandu dan il-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali. Minkejja każijiet iżolati li jagħtu isem ħażin, bħall-qtil riċenti ta’ erba fjamingi, dan il-pajjiż mexa ħafna ‘l quddiem fil-ħarsien tal-annimali. Ovvjament fadal ħafna xi jsir biex tinbena kultura fejn nibdew naħsbu iktar f’dak li għandu bżonn l-annimal fil-ħajja ta’ kuljum.
 
“Irridu nkomplu nibnu futur isbaħ, fejn in-nies u l-annimali tagħhom ikunu parti minn familja waħda, li tgħix f’ambjent isbaħ ta’ spazji miftuħa, bi kwalità ta’ ħajja aħjar”, temmet tgħid Dr Lydia Abela.
 
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina esprimiet il-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li jaħdmu biex itejbu l-ħajja tal-annimali. “Kien hemm ħafna li ġew nominati iżda hemm ukoll għexieren oħrajn li jagħmlu xogħol brillanti li ma jidhirx. Huma wkoll jistħoqqilhom it-tifħir tagħna għax kulma jagħmlu hu għall-annimali. Avveniment bħal dan huwa importanti għax jgħolli s-suġġett tal-benesseri tal-annimali iktar 'i’ fuq fl-aġenda nazzjonali u fl-imħuħ tan-nies. Għalhekk nispera li dan isir avveniment permanenti fil-kalendarju nazzjonali tagħna.”
 
Il-Kummissarju esprimiet li ser tkompli taħdem b’kull mezz li tista’ biex, “il-ħarsien tal-annimali jkompli jingħata l-importanza li jistħoqqlu, u biex il-mentalità tan-nies lejn l-annimali tkompli tinbidel għall-aħjar. Minn dak li qed nara għandi tama kbira li ser nibqgħu naraw tibdil u titjib f’kull qasam li għandu x’jaqsam ma’ dan is-settur.”

Il-lista tar-rebbieħa tinsab f’dan il-link – http://animalawards.gov.mt/​