STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Tnedija tal-kampanja ta’ promozzjoni ta’ diversi skemi ta’ Agri Kwalità

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Tnedija tal-kampanja ta’ promozzjoni ta’ diversi skemi ta’ Agri Kwalità

Reference Number: PR211667mt, Press Release Issue Date: Sep 14, 2021
Tnedija tal-kampanja ta’ promozzjoni ta’ diversi skemi ta’ Agri Kwalità
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ta bidu għat-tnedija ta’ kampanja biex nippromwovu l-kwalità fil-prodotti agrikoli f’pajjiżna. L-għan ewlieni huwa li jiżdied l-għarfien dwar il-possibbiltà ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti agrikoli kemm mal-konsumatur kif ukoll mal-bdiewa Maltin u Għawdxin. 
 
Il-Ministru Refalo qal li matul dawn l-aħħar snin il-Ministeru ħadem bla waqfien sabiex jiġu implimentati u jitħaddmu l-liġijiet li jirrikonoxxu, jippromwovu u jagħtu valur lill-prodotti agrikoli ta’ kwalità superjuri. Permezz ta’ din il-kampanja, se jinġabru l-iskemi kollha li jippromwovu l-kwalità, sabiex il-messaġġ ikun wieħed ħolistiku u dirett. “Bħala Ministeru, irridu nixprunaw is-settur lejn agrikoltura ta’ kwalità,” kompla jsostni l-Ministru fid-diskors tiegħu.
 
Taħt din il-kampanja, se jkunu promossi tliet skemi partikolari li huma: ​
  • L-Iskema Nazzjonali ta’ Prodotti ta’ Kwalità
  • Il-Biedja Organika
  • Iċ-ċertifikazzjoni tal-inbejjed, Dok Malta, D.O.K Gozo u I.G.T Maltese Islands

 
L-Iskema Nazzjonali ta’ ‘Prodotti ta’ Kwalità’ hija skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea bl-iskop li żżid il-valur ta’ prodotti agrikoli skont standard u speċifikazzjonijiet miftiehma li jikkaratterizzaw il-kwalità superjuri ta’ prodott partikolari. Din il-marka ta’ kwalità, li se tkun qed titpoġġa fuq prodotti li jilħqu dan il-livell, se tkun garanzija li l-prodott li qed jinxtara mhux biss jilħaq l-istandards minimi Ewropej iżda fih ukoll ċertu kwalitajiet li jmorru lil hinn minn dawn il-kriterji minimi stabbiliti fil-liġi.
 
Il-Biedja Organika hija skema amministrata mid-Direttorat tal-Agrikoltura li hi maħduma fuq livell tal-komunità Ewropea u rikonoxxuta madwar id-dinja. Hija miżura li tħaddan sistema ta’ traċċabilità u kontroll fuq il-mod kif jitkabbar il-prodott.
 
Iċ-ċertifikazzjoni tal-inbejjed, Dok Malta, D.O.K Gozo u I.G.T Maltese Islands - f’Malta u Għawdex hawn madwar 430 ettaru dwieli, fejn il-biċċa l-kbira huma għall-produzzjoni tal-inbid. Madwar 19-il għassar u 11-il produttur tal-inbid, li huma kollha reġistrati mad-Direttorat tal-Agrikoltura, bejniethom jipproduċu kważi 2 miljun flixkun ta’ inbejjed ta’ kwalità. Dawn it-tlett ismijiet huma reġistrati u protetti kemm lokalment kif ukoll mal-Unjoni Ewropea.
 
L-iskop aħħari tal-Agri Kwalità hu li kemm il-popolazzjoni lokali kif ukoll ir-residenti barranin li jgħixu fil-gżejjer Maltin jagħrfu d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu li jsir sakemm dawk il-prodotti ta’ kwalità finalment jaslu fuq il-mejda tal-konsumatur.