STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI - Proġett ta’ restawr fuq binja antika fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Vitikultura u l-Enoloġija

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI - Proġett ta’ restawr fuq binja antika fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Vitikultura u l-Enoloġija

Reference Number: PR211658mt, Press Release Issue Date: Sep 11, 2021
Proġett ta’ restawr fuq binja antika fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Vitikultura u l-Enoloġija
​Waqt attività fil-Buskett, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar il-bidu tar-restawr fuq binja antika fiċ-Ċentru Nazzjonali għal-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett. Din il-binja se tintuża bħala mużew interattiv li l-pubbliku jkun jista’ jżur biex jitgħallem dwar it-tkabbir tad-dwieli f’Malta, dwar iż-żoni għall-vitikoltura, il-produzzjoni tal-inbid u dak kollu relatat mas-settur. 
 
Il-Ministru Refalo qal li l-gvern emmen f’dan il-proġett u qed jinvesti €100,000 biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett. Hekk kif titlesta l-ewwel fażi jibda x-xogħol fuq it-tieni fażi li maħsuba tinbeda s-sena d-dieħla. Dan kollu jkompli jikkonferma l-impenn u l-importanza li qed tingħata lil dan is-settur min-naħa tal-gvern għax hekk kif  ikun finalizzat ix-xogħol kollu, se jkun hemm sit ta’ promozzjoni permanenti għas-settur li se tkompli ssaħħaħ dak li sar fl-aħħar snin permezz tal-kampanja ‘Wines of Distinction’. 
 
Dan ix-xogħol se jkompli jenfasizza l-impenn tal-ministeru fis-settur. B’hekk, illum għandna ċentru li jista’ jservi ta’ punt ta’ riferiment rigward dak kollu relatat mal-vitikoltura u mal-enoloġija, kemm jekk huma servizzi bħal liċenzji tal-għasir, ċertifikazzjoni tal-inbejjed DOK u IĠT u reġistrazzjoni ta’ vinji kif ukoll mil-lat ta’riċerka. Din is-sena tħawlet vinja ġdida fiċ-ċentru u tlaqqmet b’10 varjetajiet Maltin, ċertifikati bid-DNA. 
 
Il-Ministru Refalo b’sodisfazzjon semma li bis-saħħa ta’ hekk, dan il-post se jservi biex primarjament ikun sit ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet fejn jiġu studjati u ’l quddiem anke sit fejn jingħataw informazzjoni u promozzjoni dwarhom, peress li huma parti mill-patrimonju agrikolu tal-poplu Malti u Għawdxi. 
 
Din il-binja se sservi wkoll biex jiġu disseminati studji u riżultati rigward riċerka lokali dwar il-kultivazzjoni tad-dielja kif ukoll il-proċess tal-inbid mal-vitikulturisti u mal-għassara konċernati.