STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Jinfetaħ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Jinfetaħ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir

Reference Number: PR211480mt, Press Release Issue Date: Aug 06, 2021
Jinfetaħ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mad-Direttorat tal-Agrikoltura, fetaħ uffiċjalment l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir waqt attività fir-Rabat.

F’Malta u f’Għawdex hawn madwar 430 ettaru dwieli li l-biċċa l-kbira huma għall-produzzjoni tal-inbid. Dawn jinkludu madwar 19-il għassar u 11-il produttur tal-inbid li huma kollha rreġistrati mad-Direttorat  tal-Agrikoltura. Dawn jipproduċu nbejjed ta’ kwalità, fosthom DOK Malta, DOK Għawdex u IĠT Gżejjer Maltin. Bejniethom jipproduċu kważi maż-2 miljun flixkun inbid mill-aqwa. Id-Direttorat tal-Agrikoltura għandu r-responsabbiltà li jsegwi u jiċċertifika l-proċess tal-produzzjoni.

Minħabba li kien hemm sena xotta ħafna bi ftit xita matul l-istaġuni tax-xitwa u tar-rebbiegħa, il-produzzjoni mistennija li tkun inqas minn dik tas-soltu peress li d-dwieli sofrew staġun ta’ tkabbir niexef ħafna li wassal biex l-għeneb immatura qabel. Il-ħsad għadu kemm beda u huwa mistenni li jintemm sal-aħħar ta’ Settembru.

Il-Ministru Refalo qal li din hija okkażjoni mistennija kemm mill-bdiewa kif ukoll mill-produtturi. Huwa faħħar lill-bdiewa għall-ħidma kontinwa tagħhom u fakkar kemm dan is-settur qiegħed dejjem jissaħħaħ minn sena għall-oħra. Kulħadd għandu japprezza x-xogħol kollu involut fil-produzzjoni kemm mill-bdiewa kif ukoll mill-għassara, sakemm fl-aħħar jasal il-prodott finali ta’ kwalità għolja fuq il-mejda tagħna, prodott imfittex ukoll mit-turisti li jżuru pajjiżna.

Il-Ministru Refalo semma kemm l-inbid ta’ kwalità għandu rabta diretta mat-territorju Malti u Għawdxi li hija rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea. Din tkompli ssaħħaħ l-importanza tas-settur agrikolu f’pajjiżna, hekk kif 90% tal-għeneb jitkabbar f’pajjiżna. Ikkonkluda billi awgura l-istaġun it-tajjeb lill-bdiewa u lill-għassara kollha kif ukoll il-kumplament ta’ ħidma bla waqfien għax-xhur li ġejjin.