STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Titnieda l-Malta Food Agency

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI : Titnieda l-Malta Food Agency

Reference Number: PR211434mt, Press Release Issue Date: Jul 29, 2021
Titnieda l-Malta Food Agency
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda l-Malta Food Agency li se tkun responsabbli li timmanniġġja l-bejgħ tal-prodotti tal-ikel agrikoli, laħam u ħut lokali, kif wkoll tippromwovi l-prodotti u ssib swieq alternattivi.  
 
Il-Malta Food Agency se tkun qed tagħmel ukoll riċerka sabiex ittejjeb l-operat u l-proċessi fis-setturi tal-pitkalija, tal-pixkerija kif ukoll fl-impjant tat-tqattigħ u spulpjar tal-laħam fil-Biccerija.
 
Permezz tal-Malta Food Agency se jiġi żgurat li jkun hemm bażi amministrattiva u maniġerjali b’saħħitha. Se jiġu mnedija proċeduri u proċessi adegwati għall-andament tax-xogħol, kif ukoll struttura li tgħin lill-bdiewa, lir-raħħala, lis-sajjieda kif ukoll il-partijiet interessati ewlenin. 
 
Il-Malta Food Agency diġà bdiet dan ix-xogħol, permezz ta’ tnedija tar-riforma fil-Pitkalija. Din ir-riforma qed issir sabiex ikun hemm aktar trasparenza, governanza u organizzazzjoni. Fost id-diversi miżuri li qed jittieħdu ġew imnedija aktar infurzar fuq kontrolli ta’ kwalità, traċċabilità tal-prodotti u l-preżentazzjoni tal-prodott.
 
Il-Ministru Refalo qal li l-Pitkalija hija waħda mis-sorsi ewlenin għall-għajxien tal-bdiewa Maltin u Għawdxin. Fil-Pitkalija hemm madwar 1,500 bidwi li jdaħħlu l-prodotti tagħhom u madwar 1,000 xerrej li jużaw il-Pitkalija sabiex jixtru l-prodott lokali li jwassluhom s’għand il-konsumatur. Dan kollu jammonta għall-kummerċ ta’ frott u ħaxix frisk lokali li jaqbeż l-20 miljun fis-sena. Għaldaqstant, permezz ta’ din-riforma, huwa mistenni li se jitħaffef il-proċess tax-xogħol u se jgħin sabiex inżidu t-traċċabilità u l-kontrolli.   
 
Il-bidwi se jingħata rċevuta tal-prodott li jkun daħħal fil-Pitkalija fejn il-bejgħ kollu se jiddaħħal fis-sistema tal-informatika mill-ewwel u x-xerrej jingħata fattura skond ix-xiri tiegħu. Se jkun hemm uffiċċju tal-ħlasijiet ċentrali sabiex ikun hemm kontroll assolut fuq djun u jiġi żgurat li l-bidwi jitħallas fil-ħin. Il-Malta Food Agency se tkun qed taħdem sabiex ittejjeb il-kwalità tal-prodott lokali fejn qed isiru preparamenti biex jiddaħħlu standards u studji ta’ kif jistgħu jiġu ppakkjati u ppreżentati l-prodotti.
 
Il-Ministru Refalo qal li jinsab, “sodisfatt ħafna li bdiet din ir-riforma u se jiġu implimentati proċessi u strutturi amministrativi ta’ livell. Aħna kommessi li flimkien mal-istakeholders kollha nimplimentawha għall-benefiċċju tal-bdiewa, tal-konsumatur u l-istakeholders kollha”. Il- Ministru Refalo qal ukoll li, “Il-Malta Food Agency għandha tkun katalist tal-bidla, kemm fil-qasam agrikolu u kif ukoll fost setturi oħrajn, billi tipprovdi r-riċerka, l-gwida, l-istrateġija u l-implimentazzjoni ta’ agrikultura aktar sostenibbli”.