STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun jibbenefika mill-fondi tal-iskema LC Care

STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun jibbenefika mill-fondi tal-iskema LC Care

Reference Number: PR210655mt, Press Release Issue Date: Apr 06, 2021
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun jibbenefika mill-fondi tal-iskema LC Care
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun Doris Abela inawguraw il-proġett 'L-annimali parti mill-komunità wkoll'. Il-kunsill kien applika għall-fondi permezz tal-iskema LC Care fl-2020 li minnha se jkun qed jibbenefika minn total ta' €6,400.

Il-Ministru Refalo faħħar l-inizjattivi tal-kunsill lokali u tax-xogħol li qed jitwettaq filwaqt li tkellem ukoll dwar kemm il-fondi li qed jingħataw lill-kunsilli lokali permezz ta' din l-iskema qed isarrfu f'ġid għall-komunità. Dan ikompli jagħti prova ċara kemm il-gvern dejjem ikompli jkun ta' spalla għal min jitlob l-għajnuna, speċjalment dik finanzjarja. 

Dan il-proġett li sar b'investiment totali ta' €25,000 kofinanzjat ukoll minn Greenpak, jinkludi dog park biswit Ġnien iż-Żgħożija fiż-żona ta' Ġebel San Martin, b'fence mad-dawra tiegħu. Ix-xogħol fuq il-park beda tliet xhur ilu meta wara li nkisbu l-permessi kollha meħtieġa, ġie installat il-fence u t-tagħmir ta' logħob tal-klieb. Sar ukoll passaġġ mad-dawra sabiex sid il-kelb ikollu fejn jimxi flimkien mal-kelb tiegħu f'ambjent xieraq. Parti mill-fondi allokati se jmorru għall-qtates li hemm fit-triq. 

Is-Sindku Doris Abela qalet li l-kunsill qed iżomm komunikazzjoni sħiħa u kontinwa mal-feeders tal-lokal sabiex jaraw x'inhuma l-ħtiġijiet tagħhom u kif jistgħu jkunu ta' għajnuna għalihom. Apparti minn hekk il-kunsill qed jieħu ħsieb iħallas il-mediċina u jagħti provvista tal-ikel lill-feeders reġistrati u li jieħdu ħsieb li dawn ikunu miżmuma tajjeb. 

 

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jagħmel aktar inizjattivi biex jitqajjem għarfien dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb il-qtates li jgħixu barra. Għall-futur hemm pjan ukoll li jiġu installati cat shelters f'postijiet strateġiċi u fejn jidher li hemm kolonji ta' qtates li jgħixu barra.