STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

Reference Number: PR210643mt, Press Release Issue Date: Apr 05, 2021
 
Wara li l-pitkala ma ġeddewx il-liċenzja tagħhom li skadiet fil-31 ta’ Marzu u waqfu l-operat tagħhom miċ-Ċentru tal-Pikalija f’Ta ’Qali minħabba l-oġġezzjoni li tiġi preżentata l-garanzija bankarja, nhar it-Tnejn 5 ta’ April il-bdiewa daħlu fis-suq u biegħu b’suċċess il-prodotti tagħhom stess. 
 
Il-Ministeru huwa sodisfatt li l-pjan imħejji ħadem tajjeb u l-bdiewa rnexxielhom ibigħu l-prodotti tagħhom mingħajr ebda ħela. Il-pjan ma setgħax jitħaddem tajjeb mingħajr il-kooperazzjoni sħiħa tal-bdiewa u l-bejjiegħa tal-ħaxix li segwew l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali tal-Gvern. Il-Ministeru jirringrazzja b’mod speċjali lill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa li kkoperaw bis-sħiħ fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ kontinġenza.

Il-bdiewa ddaħħlu fis-suq tal-pitkalija fis-2.00am fejn bil-mod il-mod issetiljaw u ħejjew il-prodotti tagħhom għall-bejgħ. Il-Ministeru huwa kuntent li l-proċess mexa bla xkiel mingħajr ebda kaos u b’kontroll sħiħ tas-sitwazzjoni. Il-Ministeru jinnota wkoll l-approċċ pożittiv tal-Koperattiva tal-Bdiewa li għamlet arranġamenti temporanji biex tkun tista’ tipprovdi servizz lill-membri tagħha wara li ma tħallitx topera miċ-Ċentru tal-Pitkali.

Il-Ministeru jfaħħar ir-reżiljenza u l-abbiltà tal-bdiewa li addattaw għas-sitwazzjoni u jwiegħed li jkompli jappoġġjawhom u jipproteġi l-għajxien tagħhom. Filwaqt li l-Ministeru huwa sodisfatt bir-riżultat tal-lum, iħares ’il quddiem sabiex din il-kwistjoni tingħalaq kemm jista’ jkun malajr għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti.