STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

Reference Number: PR210638mt, Press Release Issue Date: Apr 03, 2021
 
Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba ta' Malta sabiex jiżdied l-ammont massimu ta' ħut li jista' jidħol fl-irziezet tat-tonn f'Malta għall-istaġun tat-tonn 2021.  

F'laqgħa bilaterali mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevicus, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo rringrazzjah għal din id-deċiżjoni. Barra minn dan, il-Ministru Anton Refalo wegħdu koperazzjoni sħiħa mill-awtoritajiet Maltin fil-proċess ta' tisħiħ tal-kontrolli fuq l-irziezet tat-tonn. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju wera apprezzament għal dan ix-xogħol, filwaqt li rrimarka li hemm iktar lok għal titjib b'mod progressiv anke fuq materji oħra. 

Il-Ministru Refalo wera s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni hekk kif dan hu ċertifikat li Malta qiegħda tagħmel xogħolha tajjeb wara perjodu diffiċli ħafna għal dan is-settur. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tilqa' t-talba għal żieda tagħti nifs ġdid lis-settur tat-tonn, li hu settur importanti ħafna għal pajjiżna, speċjalment f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Fil-fatt, iż-żieda approvata abbażi tar-regolamenti attwali hi ta' 1,474.492 tunnellata li twassal għal total ta' 10,260.492 tunnellata ta' ammont massimu ta' ħut li jista' jidħol fl-irziezet tat-tonn f'Malta għall-istaġun tat-tonn 2021. 

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali jinsab kommess li jkompli bir-riforma pożittiva li qed issir fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni ta' prattiċi tajba ta' kontroll u infurzar fir-rispett tal-liġijiet Maltin u Ewropej, għall-ġid u s-sostenibbiltà tas-settur.​