STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

Reference Number: PR210637mt, Press Release Issue Date: Apr 03, 2021
 
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali jiddeplora l-azzjonijiet meħuda mill-Assoċjazzjoni tal-Pitkala f'isem il-membri tagħha biex twaqqaf il-Koperattiva tal-Bdiewa u dawk li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni milli jbigħu prodotti agrikoli miċ-Ċentru tal-Pitkalija. Dawn l-azzjonijiet se jfixklu l-operat tas-suq u se jkollhom effett negattiv fuq il-komunità tal-biedja. 

L-azzjonijiet qed jittieħdu mill-Assoċjazzjoni fid-dawl tat-talba tagħha biex tabolixxi l-garanzija bankarja imposta ma' kull tiġdid ta' liċenzja ta' intermedjarju jew ħruġ ta' liċenzja ġdida skond il-Leġislazzjoni Sussidjarja. 117.04. 

Il-ministeru jisħaq li l-garanzija bankarja hija maħsuba biex taġixxi bħala strument ta' sigurtà sabiex kull ħlas dovut mill-intermedjarju jkun onorat u għalhekk din mhux ħtieġa frivola li ġiet maħluqa sempliċement sabiex toħloq xi piż żejjed fuq l-intermedjarju. Il-liġi attwali tagħmilha ċara li intermedjarju li jixtieq iġedded il-liċenzja sabiex jopera bħala Pitkal għandu jipprovdi garanzija bankarja. 

Il-ministeru kellu diversi laqgħat mal-Assoċjazzjoni u dejjem wera bona fede fid-diskussjonijiet li saru. F'dawn il-laqgħat ġiet diskussa din il-kwistjoni kif ukoll talbiet oħra, fosthom iż-żieda fil-commission fejn l-Assocjazzjoni qed titlob li din tirdoppja. Il-ministeru informa li fl-interess tas-settur u tal-konsumatur, huwa lest li jsib soluzzjoni finali li tagħmel ġustizzja mal-partijiet kollha kkonċernati. Madankollu, sakemm jintlaħaq ftehim dwar sistema alternattiva li tipprovdi l-istess livell ta' assigurazzjoni, it-tiġdid tal-liċenzji jew il-ħruġ ta' liċenzji ġodda għandhom ikunu soġġetti għal garanzija. Il-ministeru ma jistax jirriskja li jesponi lill-bdiewa li ma jitħallsux. Barra minn hekk, il-fatt li l-membri tal-Assoċjazzjoni spiċċaw mingħajr liċenzja operattiva ma jista' għall-ebda raġuni jkun attribwit lill-ministeru. 

Sabiex jittaffa l-impatt tal-azzjoni tal-Assoċjazzjoni, il-ministeru, bl-għajnuna u l-koperazzjoni tal-għaqdiet tal-bdiewa, qed jieħu l-miżuri meħtieġa biex jappoġġja lill-bdiewa sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom stess miċ-Ċentru tal-Pitkalija. Biex ikun iffaċilitat il-proċess, nhar it-Tnejn 5 ta 'April, il-bdiewa ser ikunu jistgħu jidħlu fis-Suq tal-Pitkalija fis-2.00 ta' filgħodu u l-uffiċjali tal-ministeru ser ikunu qed jiggwidaw lill-bdiewa lejn spazju minn fejn ikunu jistgħu jbigħu direttament il-prodotti tagħhom. Il-bejjiegħa tal-ħaxix ser jitħallew jidħlu fiċ-Ċentru tal-Pitkalija fl-4.00 ta' filgħodu sabiex ikun hemm ħin biżżejjed sakemm il-bdiewa jarmaw f'posthom. 

Kif imwiegħed mill-gvern, din is-sena l-ministeru beda l-implimentazzjoni tar-riforma tal-operat tal-Pitkalija, li għandha l-għan li ttejjeb il-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina tal-valur billi ttejjeb it-traċċabilità tal-prodott u t-trasparenza tat-tranżazzjonijiet. Il-proġett se jtejjeb ukoll biex tiżdied il-konsistenza fil-kwalità tal-prodott li jasal għand il-konsumatur finali. 

Il-ministeru jibqa' kommess li jiżgura li l-interess tal-bdiewa jiġi mħares.​