STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Kampanja edukattiva dwar il-ħarsien tal-annimali

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Kampanja edukattiva dwar il-ħarsien tal-annimali

Reference Number: PR210578mt, Press Release Issue Date: Mar 24, 2021
Kampanja edukattiva dwar il-ħarsien tal-annimali
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina ħabbru kampanja estensiva dwar iż-żamma tal-annimali kemm domestiċi u anke dawk li jinżammu fl-irziezet. 

Il-Ministru Refalo qal li l-ministeru jaħdem id f’id mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali biex f’ħidma konġunta jikkollaboraw mal-pulizija u mal-qrati sabiex tiġi infurzata l-liġi bil-għan li jitnaqqsu l-każijiet ta’ abbużi u n-negliġenza fuq l-annimali. Huwa tkellem dwar l-importanza ta’ aktar edukazzjoni fuq dan is-suġġett sensittiv biex hekk il-poplu jkun mgħarraf aktar dwar ir-responsabbiltajiet li għandu meta jrabbi annimal u l-mod ta’ kif għandhom jinżammu l-annimali. Huwa kkonkluda li f’soċjetà moderna xorta jrid jibqa’ jkun hemm għarfien fuq bażi regolari biex dak li jkun jifhem aktar l-importanza li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-annimali.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina spjegat li każijiet ta’ abbuż, moħqrija u negliġenza ġeneralment ikunu riżultat ta’ nuqqas ta’ għarfien ta’ kif wieħed għandu jrabbi l-annimali. Kien għalhekk li nħass il-bżonn biex din il-kampanja teduka aktar lill-poplu Malti u Għawdxi anke rigward emendi fil-liġi marbuta mad-drittijiet tal-annimali. 

Il-ħdax-il filmat se jispjegaw l-irwoli tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kif ukoll tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja (VRD). Dawn il-filmati se jippromwovu wkoll l-adozzjoni tal-annimali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.