STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Gvern għan-Nies: Skema tar-restawr tal-bastimenti

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Gvern għan-Nies: Skema tar-restawr tal-bastimenti

Reference Number: PR210538mt, Press Release Issue Date: Mar 17, 2021
Gvern għan-Nies: Skema tar-restawr tal-bastimenti
​F'konferenza tal-aħbarijiet fil-Mellieħa, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li għat-tielet sena konsekuttiva l-gvern flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura se jkun qiegħed jgħin lis-settur tas-sajd permezz ta' fondi nazzjonali. 

Il-Ministru Anton Refalo qal li din hija skema li permezz tagħha s-sajjieda se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn massimu ta' €2,700 f'fondi lura wara li jkunu għamlu l-manutenzjoni meħtieġa b'mod professjonali fuq bastimenti tradizzjonali tas-sajd. 

Fl-iskema tas-sena li għaddiet kien hemm 90 sajjied li bbenefikaw minn investiment ta' ftit iżjed minn €100,000. Fl-iskema ta' din is-sena hemm 247 bastiment li huma eliġibbli għal din l-iskema. Dawn il-bastimenti huma kollha tal-injam u maħduma qabel l-2007, li jinkludu l-luzzu, il-kajjik, il-firilla, il-frejgatina u l-bimbu. Fil-ġbid ta' dawn il-bastimenti, is-sajjieda Maltin u Għawdxin jagħmlu diversi spejjeż, bħal żebgħa, injam u materja prima oħra. Dan kollu huwa infiq eliġibbli taħt din l-iskema. 

Il-Ministru Anton Refalo spjega li dan l-investiment se jkun qiegħed jagħti kontribut kulturali u turistiku. “Permezz ta' dan l-investiment, se nkunu qegħdin nassiguraw li dawn it-tip ta' bastimenti nibqgħu narawhom parti mill-flotta tas-sajd Maltija. Aktar sajjieda għandhom jaħtfu din l-opportunità u jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom mad-Dipartiment tas-Sajd biex jibbenefikaw huma wkoll. Skemi bħal dawn jixhdu prova ċara li dan huwa gvern għan-nies." 

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema huma mistennija li jiftħu f'April 2021, sabiex imbagħad f'Novembru d-Dipartiment tas-Sajd jibda jirċievi l-irċevuti fiskali tan-nefqiet li jkunu saru.​