STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI - Distribuzzjoni ta’ xitel żgħir tas-siġar tal-palm

Reference Number: PR210450mt, Press Release Issue Date: Mar 02, 2021
Distribuzzjoni ta’ xitel żgħir tas-siġar tal-palm
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ltaqa’ ma’ diversi kunsilli lokali biex id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura jkun jista’ jqassam xtieli żgħar tal-palm qabel ma jibda l-istaġun tal-lampuki. Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti għandu rwol f’dan il-proċess hekk kif jiġbor is-siġar tal-palm li jkunu mingħajr ebda mard bijoloġiku jew xi difetti oħra. Wara dan il-proċess jieħu ħsieb li tingħata kura lis-siġar tal-palm biex ikun ċert li ma jiġux attakkati mir-red palm weevil u fl-istess waqt il-benefiċjarji jibbenefikaw minn dan il-proċess ukoll. 

B’kollox hemm tmintax-il kunsill lokali u erbatax-il sajjied interessati li jakkwistaw ix-xitel żgħar sabiex ikabbru s-siġar tal-palm. Il-weraq ta’ dawn is-siġar huma bżonnjużi ħafna biex ftit ġranet qabel jiftaħ l-istaġun tal-lampuki titnieda inizjattiva tat-tqassim tal-palm mingħajr ħlas. Il-gvern irid iserraħ moħħ is-sajjieda li se jkollhom palm biżżejjed biex jippreparaw il-kannizzati tagħhom għall-istaġun tal-lampuki li normalment jibda fil-15 ta’ Awwissu u jibqa’ għaddej sal-aħħar tas-sena. Aktar tard matul is-sena jsiru sensiela ta’ laqgħat ma’ entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll mal-kunsilli lokali sabiex jintlaħaq ftehim dwar f’liema żoni se jinżabru l-palm, jinġabar il-weraq u fl-aħħar issir id-distribuzzjoni lis-sajjieda b’xejn. Inizjattiva bħal din isservi wkoll għat-tisbiħ tal-ambjent u għas-sostenibbiltà tas-siġar tal-palm.

Il-ministru qal li s-sena li għaddiet inżabru ’l fuq minn 800 siġra u ngħataw 15,000 werqa tal-palm lis-sajjieda tal-lampuki. Qal ukoll li dan huwa eżempju ieħor ta’ kemm il-gvern qed jagħmel dak kollu li jista’ biex ikompli jgħin lis-sajjieda u jiffaċilitalhom ħidmiethom. ​