STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

Reference Number: PR210330mt, Press Release Issue Date: Feb 16, 2021
Skema tal-ħalib għall-iskejjel b'sistema ta' vouchers
​Skema tal-ħalib għall-iskejjel b'sistema ta' vouchers 

Il-Ministri Anton Refalo u Justyne Caruana, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru t-tnedija tal-iskema l-ġdida tal-ħalib fl-iskejjel li tkopri s-sena skolastika 2020-2021 b'baġit totali ta' €441,000 kofinanzjat b'fondi Ewropej. 

Il-Ministru Refalo qal li l-għan ewlieni tal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel huwa li permezz ta' kampanji nazzjonali jitqanqal iżjed għarfien fost it-tfal tal-iskejjel dwar il-kontribut tal-ħalib frisk fid-dieti tat-tfal bħala kontribut għall-ġlieda kontra l-obeżità. Din is-sena kellha wkoll tinbidel l-iskema sabiex tingħata importanza ħalli jiġi evitat li jkun hemm tqassim fl-iskejjel u jiġi minimizzat ir-riskju ta' firxa tal-coronavirus. Għalhekk il-gvern qed iniedi bidla fis-sistema tal-vouchers. Dan se jfisser ukoll li t-tfal li qed jipparteċipaw se jkunu qed jirċievu d-doppju tal-porzjonijiet ta' ħalib li kienu jirċievu fis-snin li għaddew. Il-ministeru impenjat bis-sħiħ biex uliedna dejjem jikkunsmaw il-bnin u l-frisk jekk huwiex ħalib, ħaxix jew frott. Importanti li dawn dejjem ikunu integrali għal dieta bilanċjata biex b'hekk inkunu nistgħu nsawru lit-tfal tagħna u lill-ġenerazzjonijiet li jmiss b'dak kollu li hu bnin u frisk.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li parti essenzjali mill-edukazzjoni ta' uliedna hija li l-ministeru jippromwovi wkoll il-ħarsien tas-saħħa. Dan jagħmlu mhux biss bit-tagħlim fl-iskejjel imma wkoll billi jippromwovi drawwiet tajbin ta' ikel u ta' xorb biex lil uliedna nrawmuhom jieħdu ħsieb saħħithom. “Kien hemm ħidma bejn dawk involuti biex naraw kif, minħabba r-restrizzjonijiet miġjuba mill-pandemija, nerġgħu nibdew inqassmu l-ħalib lill-istudenti ta' bejn tliet snin u ħdax-il sena", qalet il-Ministru Caruana. “Din il-ħidma wasslet biex illum qed inniedu din l-iskema li permezz tagħha l-familji ta' studenti tal-iskejjel primarji se jingħataw vouchers li permezz tagħhom jakkwistaw il-ħalib frisk". Semmiet li l-ministeru jifrex ħidmietu mhux biss fl-edukazzjoni ta' suġġetti imma wkoll jara li l-istudenti jingħataw edukazzjoni ħolistika li twassalhom biex ikunu ċittadini b'saħħithom fiżikament u bħala persuni li għada pitgħada se jkunu huma li jmexxu pajjiżna. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-allokazzjoni li kellha Malta taħt din l-iskema għas-sena skolastika 2020/2021 kienet ta' madwar €260,000 f'fondi Ewropej. Huwa spjega li bil-kollaborazzjoni ta' diversi dipartimenti tal-gvern, din l-iskema se tkun qed ittejjeb is-saħħa tat-tfal. Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li dawn il-fondi qed jiġu allokati biex jipprovdu sapport ħalli tintlaħaq il-mira tal-Unjoni Ewropea li tippromwovi stil aktar san ta' ħajja għat-tfal filwaqt li nħeġġu li t-tfal jingħataw ikel tajjeb għal saħħithom. “Din l-iskema hija eżempju ċar ta' kif fondi Ewropej qed jiġu investiti direttament għall-benefiċċju tat-tfal tagħna ħalli jitrawmu fi drawwiet ta' ikel aktar tajjeb għas-saħħa". 

Il-parteċipanti se jingħataw sett ta' vouchers ikkuluriti skont ix-xahar li jiggwida konsum regolari ta' ħalib u li bihom jistgħu jakkwistaw il-porzjon ta' 500ml ħalib frisk tal-Benna b'2.5% xaħam mill- ħwienet kollha li jbigħu l-ħalib madwar Malta u Għawdex. Vouchers oħrajn għax-xhur segwenti jkomplu jitqassmu fil-ġimgħat li ġejjin. 

Din l-iskema volontarja hija miftuħa għal tfal ta' bejn tlieta (3) u ħdax-il sena (11) li jattendu skejjel primarji amministrati jew rikonoxxuti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. It-tfal li huma eleġibbli rċevew formola ta' reġistrazzjoni elettronika mill-iskola tagħhom.
 

Il-gvern huwa konxju tal-impatt li qed tħalli l-pandemija tal-COVID-19. Dan juri biċ-ċar kemm dan huwa gvern għan-nies, gvern attent u li jaġixxi għal kull sitwazzjoni fil-mument opportun biex hekk itejjeb il-mod ta' għajxien fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jikkuntattja lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) billi jċempel fuq 22926148 jew jibgħat email fuq arpa-ss.mafa@gov.mt​.​​