STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI U MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

Reference Number: PR210128mt, Press Release Issue Date: Jan 22, 2021
Gvern għan-Nies: 50 kunsill lokali jibbenefikaw mill-fond tal-proġett LC CARE 2020
Gvern għan-Nies: 50 kunsill lokali jibbenefikaw mill-fond tal-proġett LC CARE 2020


​Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nedew il-proġetti li jaqgħu taħt il-fond ‘Local Council Care Fund 2020’ ġewwa l-Gudja. Dan il-fond qed joffri appoġġ finanzjarju lil 50 kunsill lokali sabiex jippromwovu inizjattivi u proġetti favur ta’ annimali abbandunati. Dawn jinkludu t-twaqqif ta’ dog parks u cat cafes, fost proġetti oħrajn, f’diversi lokalitajiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dawn il-proġetti jixhdu prova ċara li dan huwa gvern għan-nies.

50 applikazzjoni ġew aċċettati wara li saret l-eżaminazzjoni u ngħataw tmenin fil-mija tal-ispejjeż li b’kollox jammontaw għal €318,727.27. Il-Ministru Anton Refalo jinsab sodisfatt u qal li din l-inizjattiva hija prova ċara u li qiegħda tissodisfa l-manifest elettorali tal-gvern. Dan huwa appoġġ finanzjarju mill-Ministeru lill-kunsilli lokali, biex b’hekk jinkoraġġihom jaħdmu fuq proġetti li jissalvagwardjaw il-benesseri ta’ annimali abbandunati fit-triq, kif ukoll jippromwovu aktar għarfien dwar din is-sitwazzjoni f’kategoriji differenti fis-soċjetà. Il-Ministru Refalo enfasizza wkoll fuq l-għan tal-proġett LC CARE, u kommess li se jibqa’ jappoġġja lill-kunsilli lokali biex iwettqu proġetti  li għandhom potenzjal li jtejbu l-benesseri tal-annimali.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera rrimarka li dan huwa proġett li javviċina lill-kunsilli lokali lejn in-nies. Huwa kompla li l-proġett huwa immirat li jinvolvi ċ-ċittadini tal-lokalitajiet fit-twettiq ta’ ħidma favur il-ħarsien tal-annimali. “Kuntent li applikaw għall-fondi madwar 50 kunsill lokali, u dan juri l-impenn tagħhom favur il-ħarsien tal-annimali,” tenna l-Ministru Herrera.

L-oqsma ta’ prijorità huma: cat cafes, dog parks, proġetti ta’ manutenzjoni u stazzjonijiet tal-qtates biex itejbu l-ambjent u l-benesseri tagħhom, inċentivi għal servizzi ta’ veterinarji għal annimali abbandunati, kontribuzzjoni għal spejjeż speċifiċi bħal mediċina, ikel u trasport.