STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD, IKEL U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Tiġi inawgurata wirja awdjoviżiva ta' proġett b'riċerka dwar is-sajjieda tal-lampara f'Malta

Reference Number: PR210050mt, Press Release Issue Date: Jan 11, 2021
Tiġi inawgurata wirja awdjoviżiva ta' proġett b'riċerka dwar is-sajjieda tal-lampara f'Malta
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, Ikel u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo llum inawgura l-ftuħ ta' wirja awdjoviżiva flimkien mas-Societá Dante Alighieri, Comitato di Malta fil-Belt Valletta. Il-proġett jinkorpora fih riċerka dwar is-sajjieda tal-lampara f'Malta mill-artist Gilbert Calleja. 

Il-Ministru Refalo tkellem dwar l-impenn li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura fi ħdan il-Ministeru li minnu hu responsabbli għandu, li dejjem lesti li jgħinu sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn is-sajjieda ta' skala żgħira, l-istituzzjonijiet governattivi, l-edukaturi u l-artisti biex b'kollaborazzjoni sħiħa jwasslu l-għarfien tal-ħidma u s-sengħa tas-sajjieda Maltin. 

Ir-riċerka u d-dokumentazzjoni qed tiġi ppreżentata minn Gilbert Calleja fejn il-wirja hija xhieda sħiħa ta' kemm id-djalogu huwa neċessarju biex jgħin u jipproteġi l-għajxien tas-sajjieda u s-sostenibbiltà tar-riżorsi marittimi fil-Mediterran. L-artist ħa seba' snin jaħdem mill-qrib mal-familja Abela minn Marsaxlokk magħrufa bħala tal-Gawdu li għal erba' ġenerazzjonijiet qalgħu l-għajxien tagħhom mix-xogħol fuq il-baħar. Hu uża t-taħriġ akkademiku u artistiku tiegħu biex wasal għal dan il-prodott finali. 

Bl-użu ta' mezzi awdjoviżivi, teknoloġija moderna u dokumenti miġbura mingħand diversi familji, niseġ rakkont li fih jispikka mhux biss is-sajjied imma wkoll l-irwol tiegħu fin-nisġa soċjo-kulturali li fuqha huma msejsa l-kommunitajiet tax-xtut Maltin, rabtiet storiċi li s-sajjieda Maltin kellhom u li għad għandhom ma' sajjieda fil-Mediterran fosthom l-Isqallin li mingħandhom tgħallmu s-sengħa tas-sajd tal-lampara.

Il-Ministru Refalo temm id-diskors tiegħu jitkellem dwar il-wirt li jgħaqqadna bħala poplu u li flimkien irridu naffaċċjaw il-ġejjieni bil-għaqal biex inħarsu u ntejbu l-għajxien tas-sajjieda u l-familji tagħhom.