STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

Reference Number: PR202455mt, Press Release Issue Date: Dec 02, 2020
Investiment ta’ €5.4 miljun għat-tisħiħ tal-prodott agrikolu lokali
​Investiment ta’ €5.4 miljun għat-tisħiħ tal-prodott agrikolu lokali

 
L-investiment ta' €5.4 miljun huwa ko-finanzjat b'fondi Ewropej, u minnu bbenefikaw 19-il benefiċjarju. Dan se jwassal sabiex il-benefiċjarji jkomplu jiżviluppaw il-prodotti agrikoli tagħhom, u b'konsegwenza ta' dan, il-prodott lokali jissaħħaħ aktar fis-suq. 

Waqt żjara fil-fabbrika ta' Malta Dairy Products Ltd, li hija waħda mill-benefiċjarji, saret konferenza stampa fejn il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, tkellmu dwar is-suċċess li sar bl-implimentazzjoni tal-Miżura 4.2. 

Din il-miżura taqa' taħt il-Programm Għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020, fejn l-għan tagħha kien li tingħata għajnuna finanzjarja lil bdiewa jew proċessuri Maltin u Għawdxin sabiex jagħtu valur aġġunt għall-prodotti primarji tagħhom jew għall-żvilupp ta' prodotti ġodda. 

Il-Ministru Refalo qal li permezz ta' din il-miżura, aħna bqajna nappoġġjaw lis-settur agrikolu lokali fejn ġew magħżula 19-il benefiċjarju li qed igawdu minn total ta' 'l fuq minn €5 miljuni. 

Il-Miżura 4.2 ingħalqet mill-Awtorità ta' Ġestjoni u mhux se jkun hemm aktar sejħiet minħabba li wasalna fl-aħħar tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Madankollu, il-gvern għaddej b'ħidma kontinwa sabiex jiġu preparati l-iskemi ta' għajnuna li jkopru l-perjodu 2021-2027. 

Il-Ministru Refalo temm id-diskors tiegħu billi wiegħed li se jibqa' jintervjeni fejn hemm bżonn sabiex tissaħħaħ is-sostenibbilà tas-settur agrikolu u li se jkompli jappoġġja kemm jiflaħ lil dawk kollha li jkunu eliġibbli għal dawn l-iskemi. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din il-miżura hija maħsuba biex tiżviluppa u tippromwovi s-settur agrikolu, biex inkomplu nagħtu valur addizzjonali lill-prodott lokali. Il-kumpanija Malta Dairy Products Ltd hija eżempju ħaj ta' kif din il-miżura wasslet għat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-operat tagħha, filwaqt li żiedet l-effiċjenza u l-kwalità tal-prodotti tagħha, spjega s-segretarju parlamentari. 

Stefan Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li, “Din il-miżura hija prova konkreta tax-xogħol kollu li qed isir biex inkomplu ninvestu u nsaħħu prodotti agrikoli Maltin u Għawdxin". 

Għal aktar informazzjoni dwar dawn il-miżuri jew miżuri oħra jista' jsir kuntatt mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali kemm permezz ta' email fuq arpa.mafa@gov.mt​, jew permezz tat-telefon fuq 22 92 61 48.