Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet
tal-Annimali Anton Refalo ltaqa’ mal-bdiewa u r-raħħala wara stedina li
għamlilhom għal sessjonijiet ta’ konsultazzjoni. Dawn il-laqgħat ġew
organizzati biex hekk kulħadd jkun jista jagħti l-kontribut tiegħu u
tingħata l-informazzjoni meħtieġa permezz tad-diskussjonijiet biex wara
jitfassal pjan strateġiku li jindirizza l-ħtiġijiet għas-snin li
ġejjin.
Il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex
is-settur agrikolu jkompli jissaħħaħ u hekk tikber l-importanza u
l-istima lejn dan is-settur kif jixraqlu. L-għan ta’ dawn il-laqgħat
kien li l-bdiewa u r-raħħala jsemmgħu leħinhom, jiġi diskuss il-progress
li sar fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tal-agrikoltura,
is-servizzi offruti mill-Ministeru, kif jistgħu jiġu mħajjra bdiewa
żgħażagħ biex jaħdmu fis-settur agrikolu, il-miżuri tal-Budget 2021,
ir-riforma tal-pitkalija, u x’għajnuniet u investimenti hemm bżonn li
jsiru fiż-żmien li ġej li jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej.
Il-Ministru
Refalo qal li “l-Gvern huwa kommess sabiex flimkien naħdmu biex
l-isfidi jiġu indirizzati f’settur daqstant importanti fuq livell
Ewropew, minħabba li naħdmu fi sfera ta’ liġijiet u regolamenti
Ewropej.” Huwa kompla jgħid li “għalkemm ġa sar ħafna xogħol fix-xhur li
għaddew, xorta waħda għad baqa’ xi jsir biex b’hekk is-settur jiġi
protett, sostenibbli u li jpoġġi l-interess għal ġid tal-bdiewa u
r-raħħala Maltin u Għawdxin.”