Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u
Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħa sehem f’laqgħa virtwali ta’
livell għoli li ġiet organizzata mill-GFCM bil-kollaborazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea.
Fil-laqgħa
‘Building together a new strategy for Mediterranean and Black Sea
fisheries and aquaculture’, il-Ministru Refalo spjega kemm din is-sena
kienet waħda ta’ sfida li fiha l-pajjiżi kollha ffaċċjaw ċirkustanzi bla
preċedent minħabba l-pandemija tal-COVID-19, hekk kif din ġabet tfixkil
fis-soċjetajiet madwar id-dinja kollha għax ikkawżat ħsara kbira
lill-ekonomija globalment, inkluż dik relatata mas-sajd u
l-akkwakultura. Huwa wera l-preokkupazzjoni tiegħu minħabba li setturi
Maltin intlaqtu b’mod partikolari mill-interruzzjoni tas-suq wara
t-tnaqqis fid-domanda mix-xerrejja. Dan wassal għal tnaqqis ta’ madwar
għoxrin fil-mija mill-bejgħ tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.
Il-Ministru
Refalo semma wkoll kemm din il-pandemija serviet bħala katalist
għall-bidla ta’ kunċetti fil-bejgħ li nbidlu f’opportunitajiet. Dan
għaliex illum nistgħu nsibu wkoll il-bejgħ ta’ ħut frisk fuq pjattaformi
tal-midja soċjali u permezz ta’ apps li jwasslu l-prodott sal-bieb
tal-konsumatur.
L-Awtoritajiet
Maltin ħadmu f’dan is-settur biex jitjieb l-immaniġġjar tas-sajd fuq
livell nazzjonali permezz ta’ diversi inizjattivi bħall-installazzjoni
tal-GPRS abbord il-bastimenti tas-sajd kollha u l-installazzjoni ta’
software ġdid fiċ-Ċentru tal-Moniteraġġ tas-Sajd. Dan sar biex jiżdied
il-moniteraġġ tal-flotta Maltija filwaqt li jiżdied ukoll il-ġbir
tal-informazzjoni.
Malta
se żżomm l-impenn tagħha biex tissalvagwardja s-settur tas-sajd u
l-akkwakultura filwaqt li timxi mar-rakkomandazzjonijiet u r-regolamenti
li jimmiraw lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi fil-baħar.
Il-Ministru
kompla jgħid li Malta tirrikonoxxi l-għanijiet tal-istrateġija u taqbel
mat-tisħiħ fil-kapaċità, il-koperazzjoni u s-solidarjetà fir-reġjun
tal-Mediterran. “Pajjiżna se jkompli fil-ħidma biex jiġi eliminat
is-sajd illegali li mhux irrapportat jew irregolat u għalhekk qed isiru
sforzi ta’ kontroll u ġbir tal-informazzjoni. Malta trid tkun konformi
mal-istrateġija tal-GFCM fejn trid taħdem bis-sħiħ fuq is-sostennibiltà
ambjentali u ekonomika fit-tul speċjalment fejn jidħol is-sajd fuq skala
żgħira”.
Il-Ministru
Refalo għalaq id-diskors tiegħu u qal li biex jinkisbu l-għanijiet
tal-istrateġija tal-GFCM, Malta ttenni l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni
legali fir-reġjun tal-Mediterran b’mod ħolistiku. Huwa saħaq li
ċ-ċavetta għas-suċċess tkun jekk kulħadd jaqsam ir-riżorsi tiegħu b’għan
wieħed biss, dak ta’ armonizzazzjoni attiva li tilħaq ġestjoni
effettiva b’futur sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar madwar
il-Mediterran.