STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Baġit 2021 – is-sajd, l-agrikoltura u d-drittijiet tal-annimali prijorità għal dan il-gvern

Reference Number: PR202098mt, Press Release Issue Date: Oct 28, 2020
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, waqt konferenza stampa
Il-gvern mhux biss qiegħed jara li tingħata prijorità akbar lis-setturi tas-sajd u l-agrikoltura iżda fuq kollox irid jagħmel minn dawn is-setturi opportunità ekonomika għal-lum u għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. 
 
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, waqt konferenza stampa, spjega kif fil-baġit għas-sena d-dieħla l-gvern qiegħed iressaq investiment bla preċedent li għandu jservi ta’ għodda essenzjali sabiex inwettqu viżjoni b’saħħitha li tindirizza sfidi eżistenti u tħares li tindirizza l-futur. 
 
Fil-quċċata ta’ din il-ħidma l-impenn tagħna huwa li ndaħħlu kultura ta’ taħriġ u innovazzjoni sabiex naraw lil dawn is-setturi jikbru bħal setturi oħrajn. Permezz ta’ numru ta’ skemi rridu nħeġġu aktar żgħażagħ jidħlu f’dawn l-oqsma u ma jibqgħux jaraw aktar dawn is-setturi bħala xi setturi tat-tieni klassi, iżda setturi li magħhom iġibu opportunitajiet kbar.

Għalhekk bi pjaċir ser inkunu qegħdin nagħtu għotjiet ekwivalenti għat-taxxa li titħallas fuq il-bejgħ tal-prodotti li l-bdiewa u s-sajjieda jbigħu fil-Pitkalija u fil-Pixkerija, u dan sabiex inkomplu naċċertaw is-sostenibbiltà. 
 
Nemmnu ħafna li t-teknoloġija tista’ tkun iċ-ċavetta għall-futur fis-settur agrikolu, għalhekk il-gvern ser ikun qiegħed jintroduċi għajnuna li tħeġġeġ kumpaniji f’dawn l-oqsma jkunu aktar innovattivi u jagħrfu kif jimxu mal-opportunitajiet ta’ żminijietna. 
 
Dan kollu qiegħed isir f’qafas sħiħ ta’ skemi differenti li jkomplu jinċentivaw niċeċ varji fi ħdan dawn is-setturi flimkien ma’ proġetti ta’ ħtieġa li ilhom biex jiġu implimentati u li għandhom iservu sabiex jiffaċilitaw l-assistenza, ir-riżorsa u l-appoġġ finanzjarju meħtieġ lill-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied Malti li b’mod konsisteni jissieltu ma’ elementi varji. 
 
Wieħed ma jridx jinsa wkoll l-impenn bla preċedent fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali. Hawnhekk ser tissokta l-ħidma fit-tisħiħ tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali sabiex dan jgħin billi mhux biss ikompli bis-salvataġġi tiegħu iżda jkun proattiv fil-ġlieda tiegħu favur ħajja sana għal dawn il-ħlejjaq għeżież għalina. 

Fost elenku sħiħ ta’ inizjattivi li hemm pjanati għall-2021 ser inkunu qegħdin intejbu l-faċilitajiet fil-kwarantina tal-annimali żgħar u fix-xhur li ġejjin ser jinbeda x-xogħol fuq il-bini taċ-ċimiterju tal-annimali, proġett li ilu tant mistenni minn bosta.

Dan l-investiment qiegħed ikompli jikkonferma li l-gvern mhux biss jimpurtah mis-settur agrikolu, tas-sajd u tal-ħarsien tal-annimali, iżda għandu viżjoni ċara li jara tisħiħ u tkabbir f’setturi ta’ importanza nazzjonali.