Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u
Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo għadu kemm attenda għal laqgħa
mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu, l-Agri-Fish Council fejn
l-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa kien li jintlaħaq kompromess dwar
il-Politika Agrikola Komuni.
Il-kunsill beda bil-laqgħa tiegħu nhar it-Tnejn 19 ta’ Ottubru u din intemmet fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.
Il-Ministru
Refalo impenja ruħu bi sħiħ f’negozjati twal kif ukoll f’diversi
diskussjonijiet mal-Presidenza, mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ stati
membri oħrajn. Din il-laqgħa tant mistennija kienet kruċjali minħabba
l-fatt li ried jintlaħaq approċċ ġenerali.
Filwaqt
li rnexxielha żżomm konformi mal-ambizzjonijiet stabbiliti
mill-Kummissjoni dwar il-ftehim ekoloġiku, id-delegazzjoni Maltija
assigurat li l-interessi tal-bdiewa żgħar għandhom jibqgħu jiġu mħarsa
permezz ta’ sistemi ta’ kontroll issimplifikati. Il-Ministru Refalo
saħaq dwar din il-kwistjoni fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu hekk kif
ħareġ l-ewwel kompromess miktub.
Permezz
tal-intervent ta’ Malta flimkien ma’ stati membri oħra li għandhom
l-istess opinjoni, l-isforzi ambjentali taħt it-tieni pilastru issa se
jiġu kkunsidrati għall-kalkoli fir-ringfencing marbut mal-iskemi
ekoloġiċi. Dan ifisser li l-bdiewa se jkollhom aktar flessibiltà biex
jissodisfaw l-obligi ambjentali.
Barra
minn hekk, Malta rnexxielha tassigura deroga ad hoc billi żżomm
l-istatus kif inhu għas-setturi li jibbenefikaw taħt l-appoġġ akkoppjat
volontarju u biex tassigura r-rikonoxximent tar-realtajiet agrikoli
f’pajjiżna biex ma jkunx hemm l-ebda diskriminazzjoni marbuta ma’ fejn
tkun l-art agrikola.
It-test
tal-kompromess jinkludi wkoll żieda fl-appoġġ għall-organizzazzjonijiet
tal-produtturi. Din il-kwistjoni ssemmiet kemm-il darba minn Malta
f’numri ta’ laqgħat u qiegħda tidher bħala pass fid-direzzjoni t-tajba
biex tinċentiva l-formazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
f’Malta.
Issa li ntlaħaq dan il-qbil komuni, il-Presidenza għandha mandat biex tidħol f’diskussjonijiet mal-Parlament.