M. Liema tnaqqis/penalitajiet jistgħu jiġu imposti mill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA)?
T. Meta l-ARPA tiskopri nuqqas ta’ konformità jew ksur ta’ obbligi kuntrattwali minn benefiċjarji taħt skema finanzjarja li tamministra, hija meħtieġa tapplika penali/tnaqqis fuq il-pagamenti dovuti lil tali benefiċjarji kif previst taħt ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzi, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008.
M. Jekk ma naqbilx mal-bażi li fuqha ġie impost tnaqqis/penali x'nista’ nagħmel?
T. F’każijiet fejn il-benefiċjarji ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-ARPA rigward tnaqqis/penalitajiet fuq il-pagamenti tagħhom, jistgħu jissottomettu oġġezzjoni għal din id-deċiżjoni fiż-żmien speċifikat fl-ittra ta’ tnaqqis/penali mibgħuta mill-ARPA u kif preskritt.
M. X'inhi l-proċedura għal Oġġezzjonijiet għal Tnaqqis/Penalitajiet imposti mill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA)?
T. F’każijiet fejn il-benefiċjarji ma jaqblux mal-bażi li fuqha l-ARPA waslet għad-deċiżjoni li tapplika tnaqqis/penalitajiet għall-pagamenti tagħhom, inkluż fejn jemmnu li din kienet ibbażata fuq informazzjoni jew data inkompleta jew inkorretta, huma għandhom jissottomettu Formola ta’ Oġġezzjoni, flimkien ma' dokumentazzjoni/evidenza/ritratti addizzjonali, bid-dettalji tar-raġuni/jiet għall-oġġezzjoni tagħhom.
M. Fejn nista’ insib il-Formola ta' Oġġezzjoni?
T. Il-Formola ta ’ Oġġezzjoni tista’ titniżżel mill-website tal-ARPA: www.arpa.gov.mt
Aġhfas Hawn
jew tista’ tintalab li tintbagħat bil-posta.
M. Kif għandha timtela l-Formola ta’ Oġġezzjoni?
T. Is-sezzjonijiet kollha għandhom jimtlew kompletament. Formoli mhux kompluti jew dawk mingħajr evidenza ta’ sostenn mhumiex se jiġu ikkunsidrati. Huwa fl-interess tal-klijent li jissottometti oġġezzjoni komprensiva u ċara u b’raġunijiet validi sostnuti b’evidenza. Dokumentazzjoni ta’ sostenn li tissostanzja l-oġġezzjoni għandha tiġi sottomessa flimkien mal-formola msemmija mimlija. Id-dokumentazzjoni ta’ sostenn tista’ tinkludi ritratti, ittri, kuntratti, ċertifikati, eċċ. Il-klijenti għandhom jifhmu li s-sejbiet primarji vverifikati mill-ARPA stess jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjonijiet meħuda u jistgħu jiġu kkontestati. Għaldaqstant, il-Bord jeħtieġ evidenza ulterjuri u konvinċenti li tirribatti sejbiet bħal dawn jew toffri informazzjoni ġdida li jistgħu jaffettwaw tali sejbiet. Deċiżjonijiet li huma kkontestati u murija li kienu bbażati fuq informazzjoni jew data żbaljata jew mhux kompluta, jiġu rimedjati mill-Bord.
M. Fejn nista’ nsib għajnuna rigward is-sottomissjoni ta' oġġezzjoni?
T. Għal assistenza u appoġġ rigward il-proċedura tal-oġġezzjoni u s-sottomissjoni tal-Formola tal-Oġġezzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Front Office tal-ARPA permezz tat-telefon 22 926 148 jew jibgħat email
fuq arpa.mafa@gov.mt.
M. Fejn nissottometti l-Formola ta’ Oġġezzjoni mimlija?
T. Il-Formola ta’ Oġġezzjoni oriġinali ffirmata, flimkien mad-dokumentazzjoni/jiet ta’ sostenn meħtieġa, għandhom jiġu sottomessi fl-uffiċju tal-Front Office bl-idejn jew bil-posta f’wieħed mill-indirizzi li ġejjin;
L-Uffiċja ta’ Malta
Front Office
Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali
Il-Pitkalija
TA’ QALI limiti ta’ Ħ’Attard
Malta
Ħinijiet ta’ ftuħ: mit-Tnejn sal-Ġimgħa 07:30-15:00 (mill-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ġunju)
mit-Tnejn sal-Ġimgħa 07:30-12:30 (mis-16 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru)
Uffiċju t’ Għawdex
Razzett Sperimentali tal-Gvern,
Triq l-Imgarr,
XEWKIJA
Għawdex
Ħinijiet ta’ ftuħ: mit-Tnejn sal-Ġimgħa 07:00-12:00
M. Min jiddeċiedi li jaċċetta/jirrifjuta l-oġġezzjoni tiegħi? Nista’ nappella d-deċiżjoni tal-Bord?
T. Id-deċizjonijiet finali jittieħdu mill-ARPA. F’każijiet fejn l-oġġezzjonijiet huma referuti lill-Bord tal-Oġġezzjonijiet tal-ARPA, id-deċizjonijiet jittieħdu abbażi tar-rakkomandazzjoni pprovduta mill-Bord imsemmi. Il-verdett finali jiġi kkomunikat permezz ta’ ittra uffiċjali mibgħuta mill-ARPA lill-persuna li ssottomettiet l-oġġezzjoni. Il-verdett għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed finali u għalhekk ma jistax jiġi appellat.
M. X'inhuma t-tipi ta’ Oġġezzjonijiet li huma kkunsidrati mill-Bord ta' Oġġezzjoni?
T. Għandhom jiġu sottomessi oġġezzjonijiet meta l-benefiċjarji jħossuhom aggravati bid-deċizjonijiet meħuda mill-ARPA rigward l-applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja u pagamenti tagħhom. Il-beneficjarji għandhom ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw evidenza li tista’ tipprovdi perspettiva differenti għall-fatti stabbiliti mill-ARPA. Oġġezzjonijiet bħal dawn, jekk validi, jiġu riferuti lill-Bord ta’ Oġġezzjoni tal-ARPA għall-konsiderazzjoni u rakkomandazzjoni rigward l-każ ikkontestat. Tali evidenza tista’ tinkludi:
- Dokumentazzjoni/ċertifikati uffiċjali maħruġa minn korpi uffiċjali oħra li jistgħu jirribatttu s-sejbiet tal-ARPA;
- Dokumentazzjoni li turi żbalji amministrattivi jew interpretazzjoni ħazina mill-ARPA jew kwalunkwe korp ieħor li fuqhom kienet ibbażata d-deċizjoni;
- Evidenza materjali li tikkonferma kif/fejn/meta twettqet attività rilevanti għad-deċizjoni.
M. X'inhuma t-tipi ta’ Oġġezzjonijiet li MHUMIEX ikkunsidrati mill-Bord ta' Oġġezzjoni?
T. Nuqqas ta’ evidenza ppreżentata – Formoli ta’ Oġġezzjoni sottomessi b’dikjarazzjonijiet mhux ikkorroborati, jiġifieri mingħajr ebda evidenza ta’ sostenn ma jitqiesux. Barra minn hekk, il-validità tal-evidenza tista’ tiġi vverifikata ukoll qabel ssir referenza lill-Bord tal-Oġġezzjonijiet tal-ARPA. Formoli ta’ Oġġezzjonijiet b’evidenza li titqies invalida jew irrelevanti għall-każ mhumiex se jiġu kkunsidrati.
T. Talbiet għal informazzjoni – Formoli ta’ Oġġezzjoni sottomessi għall-iskop li tintalab informazzjoni addizzjonali ma jiġux ikkunsidrati. Talbiet għal informazzjoni għandhom jintalbu separatament permezz tal-Front Office tal-ARPA (22 926 148) jew permezz ta’ email mibgħuta fuq
arpa.mafa@gov.mt.
T. Oġġezzjonijiet rikorrenti – Formoli ta’ Oġġezzjoni sottomessi dwar każijiet li għalihom diġà nħarġet deċizjoni finali mhumiex se jiġu kkunsidrati. Dawn jinkludu deċizjonijiet finali diġà maħruġa fi proċeduri ta’ Forza Maġġuri fejn kienu involuti l-istess fatti sostantivi jew deċiżjonijiet oriġinali.
T. Informazzjoni skorretta/frawdolenti – L-ARPA mhux se tikkunsidra oġġezzjonijiet ippreżentati flimkien ma’ informazzjoni/dokumentazzjoni skorretta/frawdolenti.
T. Nuqqas ta’ evidenza ġdida – L-ARPA tista’ ma tikkunsidrax oġġezzjonijiet jekk l-evidenza sottomessa ċarament ma tipprovdix informazzjoni addizzjonali relatata mal-każ u/jew li tista’ tissostanzja r-raġunijiet għall-oġġezzjoni.
T. Każijiet fejn hemm nuqqas ta’ manutenzjoni minima jew instab skart fl-għelieqi – Sakemm l-oġġezzjoni ma tipprovdix evidenza li tikkontradixxi s-sejbiet tal-ARPA, tali oġġezzjonijiet ma jiġux ikkunsidrati mill-ARPA.
T. Oġġezzjonijiet għal deċizjonijiet li jikkonċernaw ammonti ta’ flus li jaqgħu taħt il-limitu minimu ta’ €50.00 (ħamsin euro) mhumiex se jiġu aċċettati mill-uffiċjal li jirċevihom.
T. Oġġezzjonijiet għal deċizjonijiet li jikkonċernaw ammonti ta’ flus li jaqbżu l-limitu massimu ta’ €5000.00 (ħamest’elef euro) f’każ ta’ miżuri mhux bbażati fuq l-IACS jew €10,000 (għaxart elef euro) għal mizuri bbażati fuq l-IACS mhumiex se jiġu aċċetati mill-uffiċjal li jirċevihom.
T. Oġġezzjonijiet sottomessi wara li jgħaddu sittin (60) jum mill-ewwel notifika ta’ dejn jew mid-data tar-riċevuta tal-ħlas li fiha tkun qed ssir l-oġġezzjoni, m’għandhomx jiġu kkunsidrati u t-tali oġġezzjonijiet mhumiex se jiġu aċċettati mill-uffiċjal li jirċevihom
M. Kif għandha tiġi pprovduta evidenza fotografika?
T. L-aħjar metodu biex tissottometti evidenza fotografika huwa permezz tal-użu tal-mobile app tal-ARPA ‘BiedjaCam’, li tippermettilek tieħu ritratti ġeo-lokalizzati permezz tal-użu tal-kamera tal-app. Dawn jipprovdu assigurazzjoni awditjata tad-data u l-post fejn ittieħed ir-ritratt. Ritratti li ma jittieħdux bl-app jistgħu jiġu sottomessi ukoll iżda jistgħu ma jkunux daqshekk konklussivi u jkunu jeħtieġu interpretazzjoni għal skopijiet ta’ validazzjoni, partikolarment fejn m’hemmx ċertezza fuq id-data u l-ħin . L-evidenza fotograpfika teħtieġ li tkun ċara, iffukata sew u fejn possibli ma titteħidx fid-direzzjoni tax-xemx. Ir-ritratt m’għandux ikollu wisq sema u jrid juri sew l-art rilevanti għall-oġġezzjoni. Screenshots meħuda tas-sistema SITI-AGRI m’għandhomx jiġu sottomessi, billli s-sistema IACS hija aċċessata direttament bħala s-sors uffiċjali għal tali informazzjoni.
M. Il-Bord jikkunsidra kwistjonijiet legali jew proċedurali?
T. Il-Bord tal-Oġġezzjonijiet huwa mwaqqaf fi ħdan il-qafas amministrattiv tal-ARPA sabiex jipprovdi lill-klijenti b’opportunità addizzjonali biex isemmgħu leħinhom u jkunu jistgħu jtejbu l-proċess tat-teħid tad-deċizjonijiet fir-rigward tal-pagamenti tagħhom fil-limiti finanzjarji stipulati b’mod trasparenti, rapidu u parteċipattiv ħafna. Il-Bord mhuwiex korp ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju) u mhux se jilqa’ rappreżentazzjonijiet legali jew proċedurali bħal preskrizzjonijiet ta’ azzjonijiet, jew oġġezzjonijiet għal deċizjonijiet dwar pagamenti li jaqbżu l-limiti finanzjarju ddikjarati. Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Oġġezzjoni għandha titqies bħala deċiżjoni finali tal-Aġenzija tal-Pagamenti għall-Agrikoltura u Rurali. Ladarba tinħareġ deċiżjoni finali, l-Aġenzija ma tkunx f’pożizzjoni li tikkunsidra rappreżentazzjonijiet oħra mill-klijenti jew mill-avukati tal-klijenti. Rimedji oħra fil-liġi jibqgħu disponibbli għall-klijenti.