News & Information

Fondi għal ħamsin kunsill lokali biex jieħdu ħsieb il-klieb u l-qtates tat-triq

Ħamsin kunsill lokali se jieħdu bejniethom €230,000 biex jieħdu ħsieb il-klieb u l-qtates li jgħixu fit-toroq.

Din l-iskema kienet nbdiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali, Jose’ Herrera, biex il-klieb u l-qtates li jgħixu barra, isirulhom postijiet ta’ kenn, jingħataw anki ikel, u kura b’mediċini u servizzi minn veterinarji.


adopted cat 
  

Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Ikel u Sajd, Anton Refalo, qal li għal din l-iskema l-Gvern qed joħrog tmenin fil-mija tal-ispejjeż li ġew bihom il-kunsilli lokali li applikaw. Il-kunsilli lokali ġew bi proġetti, fosthom b’postijiet ta’ kenn għall-qtates li jissejħu Cat Cafes, u Dog Parks għall-klieb.

Il-Ministru qal li dan il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jagħti sostenn lill-kunsilli lokali biex iwettqu proġetti li jagħmlu ġid lill-annimali, fosthom ukoll lil dawk li jgħixu barra fit-toroq u li ħafna drabi jingħataw ukoll ħafna kura minn voluntiera li jitimgħu u jieħdu ħsieb lill-annimali.

Spjega li din l-iskema qed titmexxa mill-kunsilli biex ir-residenti li jagħtu kura lill-qtates u klieb ta’ barra, jingħataw l-għajnuna f’ikel u mediċini, filwaqt li ssir enfasi biex jieqaf it-trattament ħażin tal-annimali.